Taljan ta’ 50 sena sofra ġrieħi gravi meta l-ewwel intlaqat minn karozza fil-Marsa li ftit wara baqgħet għaddejja minn fuqu wara li vettura oħra daħlet fl-ewwel karozza.
L-inċident seħħ fi Triq Aldo Moro fil-Marsa ftit qabel tad-20.45 tal-bieraħ.
Il-Pulizija qalet li l-ewwel karozza li laqtet lit-Taljan kienet misjuqa minn raġel ta’ 42 sena minn Ħal Għaxaq. It-tieni vettura, li baqgħet dieħla fl-ewwel waħda u li mbuttat il-karozza fuq ir-raġel, kienet qed tinstaq minn raġel miż-Żejtun ta’ 38 sena.
It-Taljan huwa residenti San Ġwann. Ħaddiema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kellhom jaqtgħu il-karozza biex joħorġuh, u wara ttieħed l-isptar b’ambulanza.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr J Mifsud LL.D li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabix jassistuh.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>