Internazzjonali

Aġġornata: Tkompli t-tfittxija – Tmien persuni nieqsa wara li ċeda bini f’Napli.

Kompliet għaddejja l-ħidma bla rażan f’Napli wara li kkrollat blokka appartamenti f’Torre Annunziata. L-indikazzjonijiet li għandhom il-ħaddiema ta’ salvataġġ hu li hemm tmien persuni mirduma, fosthom żewġt itfal. Jidher pero li l-isforzi huma għalxejn hekk kif ma kien hemm ebda rispons ta’ ħajja għall- geophones użati fit-tfittxija għal dawn il-persuni.

Żewġ ħaddiema tas-salvataġġ ilbieraħ weġġgħu bi ġrieħi ħfief tul it-tfittxija

Fortunatament, fl-ewwel żewġ sulari tal-bini ma kien qed jgħix ħadd, hekk kif kienu qed isiru xi xogħolijiet. Madankollu, għadu kmieni biex wieħed jgħid jekk it-traġedja seħħitx minħabba dawn ix-xogħolijiet.

Il-linja tal-ferrovija li kienet tgħaddi minn ħdejn il-binja ġiet sospiża sakemm ikomplu t-tfittxijiet.

Dak li kien qed isir lbieraħ

Qed isir tfitxija għal żewġ familji , fosthom żewġt itfal, wara li blokka ta’ appartamenti krolla f’belt viċin Napli. Huwa maħsub li b’kollox hemm tmien persuni, għalkemm għadu kmieni biex jiġi determinat in-numru ta’ nies li kien hemm fil-bini.