Knisja Lokali

“Il-ġenituri Kattoliċi fid-dover li jagħżlu r-reliġjon għal uliedhom” – il-Knisja f’Malta

Il-Knisja f’Malta qed tfakkar lill-ġenituri Kattoliċi li fl-għażliet li jagħmlu fl-edukazzjoni ta’ uliedhom, huma għandhom id-dover li fl-iskola jagħżlu t-tagħlim tar-reliġjon.

Dan ġie spjegat f’ċirkulari maħruġa mill-Kurja, li qed tinqara fil-knejjes fi tmiem din il-ġimgħa.

L-Arċisqof Charles J. Scicluna fakkar lill-ġenituri fir-responsabbiltà li għandhom, li minn meta l-ulied ikunu għadhom żgħar, jgħinuhom biex jikbru fil-fidi bl-eżempju u bil-kelma, u billi jaraw li jirċievu l-formazzjoni meħtieġa.

L-Arċisqof, filwaqt li enfasizza l-importanza tal-formazzjoni reliġjuża fil-ħajja tal-familja, qal li l-komunità parrokkjali u l-iskola ma jeħdux post il-ġenituri imma huma kumplimentari għalihom.

Iċ-ċirkulari tikkwota l-Papa Franġisku, li fl-Eżortazzjoni Appostolika Amoris Laetitia, jgħid b’mod ċar li l-edukazzjoni sħiħa tal-ulied hi dmir mill-iktar serju u fl-istess waqt dmir ewlieni tal-ġenituri.

Fl-isfond ta’ dan kollu, qed tkompli l-ħidma biex it-tagħlim tar-reliġjon jiġi aġġornat, iwieġeb għall-ħtiġijiet tal-lum, u jkun ta’ għajnuna għall-istudenti.