Lokali

“Pass ieħor importanti biex fis-soċjetà Maltija jkun hawn opportunitajiet indaqs” – FOIPN

L-FOIPN qal li jħoss li liġi li tkun verament inklussiva fl-ispirtu u fl-implimentazzjoni tagħha ma kenetx teskludi l-kliem ‘mara’, ‘raġel’, ‘omm’, u ‘missier’; iżda kienet iżżid il-kliem li huma newtrali biex jiddeskrivu l-ġeneru mal-kliem eżistenti biex b’hekk ħadd ma jħossu mweġġa’ jew eskluż.

Il-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-Partit Nazzjonalista jinnota b’sodisfazzjon li l-Partit Nazzjonalista vvota favur il-liġi tal-equality marriage, u li din il-liġi issa għaddiet mit-Tieni Qari.

L-FOIPN qal dan fi stqarrija fejn fiha fakkar li tul dawn l-aħħar tlett snin, il-forum iltaqa’ diversi drabi ma’ organizzazzjonijiet mill-komunità LGBTIQ u fehem ix-xewqat u l-isfidi ta’ din il-komunità. L-FOIPN iħoss li din il-liġi se tagħti lill-komunità LGBTIQ id-dritt li jistħoqqilha: li kull membru tal-komunità LGBTIQ ikollu l-istess drittijiet bħal kull ċittadin ieħor, u jkun jista’ jiżżewweġ. Fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista, il-gay marriage kienet wegħda elettorali, għaliex il-Partit jemmen fl-ugwaljanza u f’opportunitajiet indaqs għal forom differenti ta’ koppji li jeżistu fis-soċjetà.

L-FOIPN jaqbel mal-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista, li fil-vot għall-liġi tal-gay marriage, il-Partit jivvota favur din il-liġi. F’dan il-każ l-akbar ġid komuni huwa li kulħadd fis-soċjetà jkollu d-dritt għaż-żwieġ u li l-liġi ma tibqax tagħmel distinzjoni bejn in-nies skont l-orjentazzjoni sesswali tagħhom.

L-FOIPN qal li jħoss li liġi li tkun verament inklussiva fl-ispirtu u fl-implimentazzjoni tagħha ma kenetx teskludi l-kliem ‘mara’, ‘raġel’, ‘omm’, u ‘missier’; iżda kienet iżżid il-kliem li huma newtrali biex jiddeskrivu l-ġeneru mal-kliem eżistenti biex b’hekk ħadd ma jħossu mweġġa’ jew eskluż. Il-liġi proposta tittratta tema sensittiva ħafna, u għalhekk il-kliem użat seta’ ntgħażel aħjar.

Minkejja dan, l-FOIPN qal li jinnotta li l-liġi se tkun tfisser pass ieħor importanti ‘l quddiem biex fis-soċjetà Maltija ikun hawn opportunitajiet indaqs. L-FOIPN iġedded l-impenn tiegħu favur soċjetà aktar ġusta fl-oqsma kollha tal-ħajja, u jirringrazzja b’mod partikolari lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li dejjem appoġġja bi sħiħ il-ħidma tal-FOIPN f’dan il-qasam, u kien strumentali sabiex imexxi lill-Partit Nazzjonalista li jilħaq l-aspirazzjonijiet u l-ħtiġijiet ta’ soċjetà moderna.

Tags