Lokali

Tnejn mit-Taljani akkużati b’evażjoni tat-taxxa ta’ €50 miljun jinsabu maħruba f’Malta

Żewġ imprendituri Taljani huma maħruba, u hu maħsub li jinsabu f’Malta, bil-Pulizija fl-Italja l iqed ifittxu li jarrestawhom bħala parti minn investigazzjoni dwar evażjoni tat-taxxa maġġuri li aktarx tlaħħaq jew taqbeż il-€50 miljun.

Din l-aħbar ippubblikata fl-Italja ssegwi l-arrest ta’ 18-il persuna wara li s-siti Stockisti.com (aqra hawn) u ConsolePlanet.it (aqra hawn) ġew sekwestrati. Dan għaliex instab li s-siti, irreġistrati f’Malta taħt isem il-kumpanija STK Europe Limited, kienu qed ibiegħu affarijiet teknoloġiċi bi prezz irħis propju għaliex kienu qed jevadu t-taxxa.

Wara li ħarġet l-ordni tal-arrest hekk kif kien hemm biżżejjed provi dwar dan, il-Pulizija fl-Italja marret fl-appartament ta’ koppja ta’ imprendituri minn Latina, li madankollu ma kinux hemm.

Lill-Pulizija fl-Italja jirriżultalha li l-koppja mxiet lejn pajjiżna xi żmien ilu u bdiet tmexxi l-operat propju minn Malta. Madankollu dawn għadhom ma’ nstabux, waqt li fil-konfront tagħhom għad hemm mandat ta’ arrest.