Futbol Sport

TRASFERIMENTI – Kucka jħalli lil Milan

Kucka m’għadux ma’ Milan

Milan ħabbru li biegħu lill-midfielder Juraj Kucka lil-klabb Tork ta’ Trabzonspor. Hu mifhum li r-Rossoneri rċivew is-somma ta’ madwar sitt miljun ewro għall-plejer mis-Slovakkja. Minkejja li Kucka kellu wirjiet pożittivi ma’ Milan fl-istaġun li għadda jidher li dan ma kienx se jkun fil-pjanijiet tal-kowċ Montella li qed jimmira li t-tim tiegħu jikseb post fiċ-Champions League.
Kucka kien ilu ma’ Milan sa mill-2015 u fiż-żewġ staġuni li lagħab magħhom skurja erba’ gowls.

Neto ma’ Valencia

Il-gowlkiper riserva ta’ Juventus Neto ngħaqad ma’ Valencia għas-somma ta’ seba’ miljun ewro. Neto, li hu Brażiljan iffirma kuntratt ta’ erba’ snin u issa se jkun qed jisfida lil Diego Alves għal post bejn il-lasti.
Neto kien ilu dawn l-aħħar żewġ staġuni jilgħab maċ-champions Taljani u f’Mejju li għadda kien il-gowlkiper titulari fil-finali tal-Coppa Italia mirbuħa kontra Lazio. Neto, li għandu 27 sena kien ingħaqad ma’ Juventus mingħand Fiorentina.

Rossi ma jibqax Spanja
Celta Vigo ħabbru li Giuseppe Rossi telaq lill-klabb Spanjol wara li weġġa’ rkopptu f’April li għadda.
Il-plejer internazzjonali Taljan ingħaqad mal-klabb Spanjol mingħand Fiorentina fis-sajf li għadda iżda lagħab biss fi 18-il partita wara li ċarrat il-ligament tal-cruciate. Din kienet il-ħames darba li weġġa’ serjament fil-karriera tiegħu.