Futbol Sport

Malta tkompli tinżel fir-rankings tal-FIFA

It-tim nazzjonali Malti niżel jokkupa l-191 pożizzjoni fir-rankings mondjali tal-FIFA.

Dan wara t-telfa li sofra t-tim xahar ilu bi skor ta’ 2-0 kontra s-Slovenja f’partita mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2018. It-tim bl-istess punti ta’ Malta hemm Liechtenstein filwaqt li wara l-Maltin hemm San Marino u Ġibiltà.

Filwaqt li fl-aħħar ħarġa tagħhom il-Maltin tilfu 2-0 kontra s-Slovenja, jiem qabel dawn kienu rebħu 1-0 f’logħba ta’ ħbiberija kontra l-Ukrajna. Madankollu ta’ min jinnota li din il-logħba, minħabba li ma kinitx waħda kompetittiva ma kinitx tgħodd għal dawn ir-rankings.

L-impenn li jmiss għall-Maltin issa hu dak tal-1 ta’ Settembru f’Ta’ Qali meta dakinhar jilagħbu kontra l-Ingilterra f’partita mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2018.

Attwalment it-tim ta’ Ghedin jinsab fl-aħħar post tal-grupp rispettiv tiegħu. Il-Ġermanja rritronaw fl-ewwel post għall-ewwel darba f’dawn l-aħħar sentejn.

Tliet snin ilu l-Ġermanja kienu rebħu t-Tazza tad-Dinja fil-Brażil imma sena wara kienu tilfu l-ewwel post u minn dakinhar ‘l hawn dejjem kienu timijiet oħra li okkupaw l-ewwel post. Grazzi għas-suċċess li kisbu l-Ġermanja fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet dawn rritornaw fl-ewwel post u qabżu lill-Brażil li issa jinsabu fit-tieni post.

Fit-tielet post hemm l-Arġentina filwaqt li fir-raba’ post hemm il-Portugall, champions tal-Ewropa li temmew fit-tielet post waqt it-Tazza tal-Konfederazzjonijiet. Din kienet l-ewwel darba fl-istorja tagħhom li l-Ġermanja rebħu dan l-unur. Issa l-Ġermanja għandhom biċċa xogħol oħra la darba rebħu t-Tazza tal-Konfederazzjonijiet. Huma se jkunu qed jippruvaw isiru l-ewwel tim li jirbaħ it-Tazza tad-Dinja wara li sena qabel ikun rebaħ it-Tazza tal-Konfederazzjonijiet.

L-ewwel edizzjoni tat-Tazza tal-Konfederazzjonijiet (li dakinhar kienet għadha tissejjaħ ‘King Fahd Cup’) saret fl-1992 u minn dakinhar ‘l hawn kull min rebaħ it-trofew ma rebaħx it-Tazza tad-Dinja.