Il-President Amerikan, Donald Trump, iddikjara s-summit tal-G20 li kkonkluda fil-Ġermanja fi tmiem il-ġimgħa bħala ‘suċċess’, u minkejja li l-Istati Uniti baqgħet iżolata fil-pożizzjoni tagħha rigward il-bidliet fil-klima.
Il-Mexxejja tat-18 il-pajjiżi l-aktar industrijalizzati u l-Unjoni Ewropea, permezz ta’ stqarrija konġunta, irrikonoxxew id-deċiżjoni tal-Istati Uniti biex tirtira mill-Ftehim ta’ Pariġi (storiku) dwar il-klima, iżda anki għamluha ċara li membri (pajjiżi) oħrajn tal-G20 għadhom impenjati bis-sħiħ favur il-ftehim ‘irriversibbli’.
L-istaġnar f’din il-kwistjoni kien baqa’ jaffettwa l-aħħar jum tat-taħditiet tal-G20 waqt is-summit organizzat fi Frankfurt. Intant, il-parteċipanti waslu, eventwalment, fi ftehim finali, bil-G20 (nhar is-Sibt) joħroġ uffiċjalment stqarrija konġunta mis-summit.
L-istqarrija qalet ukoll li l-Istati Uniti għandha tfittex ‘biex taħdem mill-qrib ma’ pajjiżi oħra ħalli tgħinhom isibu aċċess għall-fossil fuels u biex dawn il-pajjiżi jużawhom b’mod aktar effiċjenti fl-aħjar interess tal-klima’.
Il-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima tal-2015 ifassal miri ( limiti) għall-emissjonijiet tal-gassijiet greenhouse bil-għan li l-pajjiżi jikkontrollaw iż-żidiet fit-temperaturi fuq livell globali. Sadanittant, il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, li mexxiet is-summit ta’ Hamburg, qalet li hi kontra l-pożizzjoni ta’ Trump, iżda tinstab ukoll kuntenta li l-parteċipanti l-oħrajn opponew it-tentattivi biex il-Ftehim ta’ Pariġi jkun innegozjat mill-ġdid.
//= $special ?>