Basketball Sport

FILMAT: Telfa fl-aħħar mumenti għaż-żgħażagħ Maltin kontra Ċipru fis-semifinali

Kurt Cassar

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt it-18-il sena tal-irġiel tilef is-semifinali tal-Kampjonat Ewropew tal-FIBA ta’ Diviżjoni Ċ wara li kien megħlub 67-64 mill-organizzaturi Ċipru f’logħba missielta u li ntilfet fl-aħħar mumenti.

It-tim Malti kien ġej minn tliet rebħiet fi Grupp B u kien viċin li jegħleb lil Ċipru għall-ewwel darba, wisq aktar f’pajjiżhom.

L-eroj għaċ-Ċiprijotti kien Yannis Achilleos li skorja seba’ minn tmien punti fl-aħħar mumenti, biex għen lil Ċipru jdawru r-riżultat ta’ 59-64 għal rebħa ta’ 67-64, biż-żgħażagħ Maltin ma jkollhomx ħin biex jirbħu l-logħba.

Minkejja li spikka Achilleos fl-aħħar mumenti, wieħed ma jridx jinsa l-prestazzjoni brillanti għal darba oħra tal-plejer Malti li jilgħab fl-Italja Kurt Cassar, awtur ta’ 36 punt, 31 rebounds u 8 blocks.

It-tim Malti jilgħab il-logħba għat-tielet post illum fl-4.30pm kontra l-Moldova li tilfu fis-semifinali 108-49 kontra n-Norveġja.