Il-Korea ta’ Fuq akkużat lill-Istati Uniti b’li qed ‘timbotta lill-peniżola Koreana lejn l-abbissi’, b’referenza għal gwerra nukleari potenzjali. Dan wara li żewġ ajruplani militari tal-Istati Uniti ħadu sehem fi prova magħrufa bħala bombing run li qanqlet rabja kbira mir-reġim komunista fi Pyongyang.
Ir-reġim Korean immexxi minn Kim Jong-un fissret l-eżerċizzju tal-qawwiet tal-armi Amerikani bħala ‘provokazzjoni militari perikoluża’ f’reġjun iddominat minn tensjoni kbira.
L-aħħar wirja ta’ saħħa mill-qawwiet tal-ajru Amerikani, fil-fatt, żiedet it-tensjoni fil-peniżola Koreana, ftit jiem biss wara li l-Korea komunista ħabbret li rnexxitilha prova b’missila ballistika interkontinentali.
Xi esperti jemmnu li l-missila ‘tal-komunisti’ għandha l-kapaċità biex tolqot lill-Alaska u partijiet tal-West Coast Amerikana. Madankollu fadal id-dubji dwar kemm il-Korea ta’ Fuq għandha teknoloġija avvanzata biżżejjed biex, ‘il quddiem, tistalla warhead nukleari fuq missila għal fuq distanzi twal.
Fl-aħħar eżerċizzju militari tal-Istati Uniti, l-ajruplani Amerikani ( bombers) telqu armamenti ‘inattivi’ għal fuq zona indikata għal taħriġ fil-Korea t’Isfel. Fl-eżerċizzju speċifiku ħadu sehem ukoll diversi fighter-jets tal-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel – b’ajruplani militari tal-Ġappun, imbagħad, jakkumpanjaw lill-bombers tal-Amerikani fi triqthom lura lejn il-bażi tagħhom, fuq il-gżira ta’ Guam.
Sadanittant, il-gazzetta Rodong tal-Korea ta’ Fuq akkużat lill-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel ‘b’li żiedu dolożament it-tensjoni permezz ta’ dan l-eżerċizzju’ waqt li, fl-editorjal tagħha, wissiet lil dawn il-pajjiżi li ‘qegħdin jilgħabu man-nar’.
Kelliema għar-reġim fi Pyongyang ukoll ikkundannaw lill-Istati Uniti u fissru l-eżerċizzju konġunt ( bejn l-Amerikani u l-Korea t’Isfel) ‘bħala strateġija militari perikoluża minn protagonisti għatxana għall-gwerra u li qegħdin jimmiraw għal traġedja nukleari fil-peniżola (Koreana)’.
Ir-reġim tal-Korea ta’ Fuq, intant, wissa wkoll li l-iċken żball jew miskalkulazzjoni fiċ-ċirkustanzi kapaċi jwassal għall-bidu ta’ gwerra nukleari ‘u li twassal, inevitabbilment, għal gwerra oħra fuq livell dinji’.
//= $special ?>

