Internazzjonali

Jaħseb li l-Brexit ‘jista ma jseħħx’

 

Il-politiku veteran Vince Cable, li x’aktarx jilħaq bħala kap li jmiss tal-Partit Liberali Demokratiku, qiegħed jaħseb li t-tragward tal-Brexit – l-impenn biex ir-Renju Unit joħroġ kompletament mill-Unjoni Ewropea – ‘jista’ ma jseħħ qatt’ fir-realtà.

Cable – li għamel żmien (fl-2007) bħala Kap proviżorju tal-Lib Dems u li issa mistenni jieħu post Tim Farron li rriżenja mit-tmexxija tal-partit – jemmen li l-Britanniċi għandhom jerġgħu jaħsbuha mill-ġdid dwar il-Brexit, minkejja r-referendum tas-sena l-oħra fejn il-maġġoranza vvutaw favur it-tluq mill-UE.

Hu qed jibbaża l-argument fuq ‘id-diżgwid profond’ li jeżisti fi ħdan il-Partit Konservattiv fil-Gvern kif ukoll fil-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni.

Fl-istess ħin, Cable jaħseb li ‘l-ekonomija nazzjonali li qiegħda taqta’ lura’ ukoll se ġġieġħel lill-poplu jaħsibha b’mod differenti dwar il-pass li se jagħmel. Meta tkellem fuq il-programm tal-BBC, Andrew Marr Show, Vince Cable sostna li l-kwistjoni tal-isħubija ( Britannika) fl-UE għandha tkun ittrattata mill-ġdid ‘ladarba l-poplu jirrealizza li ma vvutax għall-Brexit biex inaqqar mill-kundizzjonijiet tal-għajxien li qed igawdi’.

Fl-istess ħin, Vince Cable ammetta li l-politika tal-Liberali Demokratiċi rigward tieni referendum dwar it-termini ta’ ftehim għall-Brexit ma ntlaqgħetx daqstant tajjeb mill-elettorat Britanniku.

Madankollu hu qed jgħid li hi proprja din il-politika li tista’ toffri lill-votanti ‘triq ‘il barra mill-gwaj’, ladarba jibda jidher ċar ‘li l-Brexit għandu potenzjal diżastruż għan-nies tar-Renju Unit’.