Lokali

Jitkeċċa mingħajr ebda raġuni – Charles Cronin eks uffiċjal tal-FIAU

Charles Cronin - eks uffiċjal tal-FIAU
Charles Cronin stqarr li qatt ma rċieva indikazzjoni li l-aġenzija ma kinitx kuntenta bix-xogħol tiegħu

“Waqt li kont qiegħed xogħol, kont ħiereġ niekol – hekk kif ġejt imsejjaħ fl-uffiċju tad-Direttur tal-FIAU. Hemmhekk ġejt infurmat li l-kuntratt tiegħi ġie tterminat” – hekk iddeskriva l-aħbar tat-tkeċċija tiegħu Charles Cronin, eks uffiċjal tal-Aġenzija tal-Gvern dwar il-Ħasil tal-Flus (FIAU).

Il-Gvern Laburista qed jiġi kritikat għal mod kif keċċa żewġ impjegati, mill-aġenzija FIAU b’mod biered, u mingħajr ebda raġuni.

Fl-aħħar xhur, il-lenti daret fuq l-aġenzija tal-Gvern l-FIAU wara li ġew illikjati diversi dokumenti u rapporti  ta’ investigazzjonijiet dwar iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi – madanakollu minkejja r-rapporti komplew jitfgħu dell ikrah fuq dawn il-każijiet, l-ebda azzjoni ma ttieħdet.

Fuq il-gazzetta The Sunday Times of Malta, Charles Cronin stqarr li minkejja t-tkeċċija – minn meta daħal jaħdem mal-FIAU f’Ottubru tal-2016 sal-aħħar jum tax-xogħol tiegħu – qatt ma rċieva indikazzjoni li l-aġenzija ma kinitx kuntenta bix-xogħol tiegħu.

Cronin stqarr li hu qatt ma qara r-rapport dwar il-bank Pilatus, dan hekk kif ir-rapporti saru qabel ma hu kien qiegħed jaħdem fl-FIAU u possibilment taħt l-għassa tal-manager ta’ qablu. The Sunday Times of Malta rrapurtat ukoll li Charles Cronin staqsa kemm lid-Direttur u lid-Deputat Direttur tal-FIAU jekk it-tkeċċija tiegħu hijiex marbuta mar-rapporti li ġew illikjati, iżda dawn it-tnejn ċaħdu li hemm xi rabta ma’ dak il-każ.