Lokali

L-akbar ġid komuni hu li l-partit jibqa’ magħqud

L-akbar ġid komuni hu li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ magħqud u għalhekk filwaqt li l-membri tal-Grupp Parlamentari huma fil-libertà li jitkellmu anke fil-Parlament, meta jiġu għall-vot, għandhom iżommu mal-linja tal-Partit. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt intervista fuq Radio 101, li fiha spjega li ma jagħmilx sens li l-Partit Nazzjonalista jinqasam, kif iridu Joseph Muscat.

Simon Busuttil ta numru ta’ raġunijiet għalfejn il-Partit Nazzjonalista se jivvota favur il-liġi ta’ żwieġ bejn persuni tal-istess sess, fosthom li f’pajjiżna, l-liġi tal-Unjoni Ċivili diġà tagħti l-istess drittijiet u obbligi daqs żwieġ. Raġuni oħra hi ż-żewġ partiti politiċi wegħdu din il-liġi fil-programmi elettorali tagħhom, u ħadd, qabel l-elezzjoni, ma qal li ma jridx jivvota jew ikun kandidat tal-Partit Nazzjonalista minħabba din il-wegħda. “Għalhekk issa mhix kwistjoni ta’ gay marriage, imma kwistjoni ta’ rispett lejn in-nies,” sostna Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li fis-soċjetà li qed ngħixu fiha llum, fejn għandek komunità LGBTIQ li jixirqilha d-drittijiet, l-Partit Nazzjonalista jrid jagħraf dan. Hu qal li ġenituri li għandhom tfal parti minn din il-komunità, x’għandhom jgħidu lil uliedhom? Li ħaqqhom id-drittijiet jew li għandhom jitpoġġew f’rokna bla drittijiet ta’ xejn?

Dwar il-kwistjoni ta’ reliġjon, Simon Busuttil ammetta li din hi tema sensittiva ħafna iżda li trid tiġi ffaċċjata. Hu qal li l-politiċi jridu jwieġbu l-mistoqsija bejn dak li tkun qed tgħid il-Knisja u dak li għandu jkun id-dmir ta’ kull leġiżlatur, filwaqt li sostna li minkejja li l-Partit Nazzjonalista hu partit demokristjan, ma jfissirx li hu parti mill-Knisja. “Jien fil-fehma tiegħi, l-akbar ġid komuni hu li fil-Parlament nivvutaw favur il-liġi għaliex irridu nkunu hemm għal kulħadd, lil hinn mit-twemmin reliġjuż,” qal Simon Busuttil.

Mistoqsi dwar l-aħħar żviluppi fl-FIAU, Simon Busuttil qal li s-sens ta’ ġustizzja f’pajjiżna jista’ jirrenja biss jekk il-Partit Nazzjonalista jibqa’ l-ħin kollu attent u jibqa’ jagħmel pressjoni biex issir il-ġustizzja. Hu fakkar li għad hemm tliet inkjesti Maġisterjali – tnejn dwar iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u oħra dwar il-Prim Ministru nnifsu – li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jsegwi sakemm issir il-ġustizzja.

Simon Busuttil qal li jittama li l-Maġistrati jlestu xogħlhom mill-aktar fis biex il-poplu Malti u Għawdxi jkun jaf il-verità kollha, filwaqt li tenna li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jsus anke b’inizjattivi oħra, fost l-oħrajn dwar il-fatt li kemm Keith Schembri kif ukoll Konrad Mizzi nqabdu b’kumpaniji sigrieti fil-Panama għall-korruzzjoni. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Muscat kisser l-ordni tal-liġi għaliex daħħal mentalità f’pajjiżna fejn il-liġi ma tapplikax l-istess għal kulħadd. Fil-fatt, b’referenza għat-tkeċċijiet taż-żewġ uffiċjali tal-FIAU – Simon Busuttil qal li min jagħmel xogħlu, jitkeċċa jew issirlu vendikazzjoni. Hawnhekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista esprima s-solidarjetà tiegħu ma’ dawk il-ħaddiema li spiċċaw vittma ta’ inġustizzja jew vendikazzjoni kemm qabel l-elezzjoni kif ukoll wara. “Aħna lesti niltaqgħu miegħek, nirreġistraw il-każ tiegħek u nwegħduk minn issa, sens ta’ ġustizzja bl-arretrati b’kollox,” insista Simon Busuttil, filwaqt li ddeskriva l-Partit Nazzjonalista bħala l-kenn, l-appoġġ u t-tarka tan-nies.

Simon Busuttil sostna li l-Partit Nazzjonalista waqqaf tim biex jinvestiga kull każ ta’ allegati prattiċi korrotti ta’ xiri ta’ voti fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Fost l-oħrajn, hu rrefera għall-1,000 impjieg mal-Gvern f’Għawdex, kif ukoll eluf ta’ promozzjonijiet u impjiegi oħra. Hu sostna li mhux faċli li tiġi reġistrata l-istampa sħiħa, anke peress li l-Gvern qed jagħżel li ma jweġibx kif suppost il-mistoqsijiet Parlamentari. Hu rrefera għal każ matul din il-ġimgħa fejn il-Gvern, biex ma jweġibx il-mistoqsijiet, qagħad joqgħod jistaqsi x’jiġifieri ‘sponsorship’. Madanakollu, tenna Simon Busuttil, l-Oppożizzjoni, flimkien mal-media, se tibqa’ persisteni u l-uniku garanzija biex id-demokrazija f’pajjiżna tibqa’ taħdem għall-ħames snin li ġejjin.