Il-battalja li kienet ilha għaddejja x-xhur għall-kontroll ta’ Mosul waslet fi tmiemha wara li l-Armata tal-Gvern Iraqi irnexxielha telimina l-aħħar reżistenza mill-ġellieda tal-ISIS fl-inħawi.
Is-suċċess militari qed jitqies bħala wieħed importanti ħafna meta Mosul, bħala t-tieni l-aktar belt importanti fl-Iraq, kien ilu f’idejn it-terroristi tal-ISIS mis-sajf tal-2014.
Intant, il-Prim Ministru Iraqi, Haider al-Abadi, issa, mar f’Mosul biex iwassal personalment messaġġ ta’ kongratulazzjoni lill-qawwiet tal-Gvern u bil-għan li jiddikjara din il-belt bħala liberata.
Il-qawwiet Iraqqin, appoġġjati mill-qawwiet tal-ajru tal-Istati Uniti u l-kumplament tal-koalizzjoni anti-ISIS, kienu ilhom minn Ottubru jmexxu kampanja militari ewlenija bil-ħsieb li jeliminaw l-aħħar traċċi tat-terroristi f’Mosul.
Il-militanti tal-ISIS kienu ħatfu Mosul f’Ġunju tal-2014 fejn imbagħad avvanzaw biex jieħdu taħt idejhom medda kbira ta’ territorju fil-qalba tal-Iraq. Dan qabel huma ddikjaraw it-twaqqif ta’ Kalifat li kien jinkorpora wkoll partijiet tas-Sirja.
Il-battalja finali kontra l-ISIS f’Mosul saret ukoll bis-sehem ta’ ġellieda Kurdi, membri ta’ tribujiet Għarab Sunniti u milizzji Xiti li sostnew il-koalizzjoni kontra t-terroristi.
Intant, it-telfa tal-ISIS f’Mosul qed titqies bħala disfatta sinifikanti għall-grupp terroristiku għalkemm ma spiċċatx it-theddida mill-militanti għall-Iraq kollu. Dan meta l-ISIS għadu qed jikkontrolla diversi nħawi oħra f’dan il-pajjiż waqt li kapaċi, xorta waħda, jorganizza l-attakki kontra zoni li huma amministrati mill-Gvern.
Qabel tmiem il-battalja f’Mosul, l-aħħar ġellieda tal-ISIS kienu qed jirreżistu lill-Armata tal-Iraq minn zona żgħira qrib il-Belt Antika, bl-isparaturi jkomplu għaddejjin matul il-ġurnata. Ir-rapporti qalu li aktar minn 30 militanti tal-ISIS inqatlu meta qabżu għal ġox-Xmara Tigris f’attentat iddisprat gbiex jaħarbu mill-avvanz tal-qawwiet Iraqqin.
Il-Gvern tal-Iraq kien ħabbar il-liberazzjoni tas-settur tal-Lvant ta’ Mosul f’Jannar li għadda, iżda z-zoni lejn il-Punent tal-belt kellhom jimponu sfida ħafna aktar diffiċli għas-suldati li stinkaw bil-kbir biex jegħlbu lir-reżistenza fanatika tal-ISIS.
Mill-2014, madwar 900,000 resident ta’ Mosul spiċċaw jgħixu ta’ refuġjati, b’dan l-ammont jikkostitwixxi madwar nofs il-popolazzjoni tal-belt ta’ qabel il-gwerra mal-ISIS.
//= $special ?>


