Isem pajjiżna sfortunatament hu mdaħħal f’investigazzjoni msemmija Beta li ddur madwar iċ-ċellola mafjuża ta’ Cosa Nostra f’Messina. Dan fi storja dwar logħob tal-ażżard, tlielaq illegali taż-żwiemel, imħatri kemm fuq logħob tas-Serie A u tlielaq taż-żwiemel kif ukoll il-video poker.
Jirriżulta li l-poter ta’ din iċ-ċellola mafjuża f’Messina kien jitmexxa minn Vincenzo Romeo, kap tal-klann tal-mafja f’isem zijuh Nitto Santapaola, boss tal-mafja storiku f’Catania.
Fl-investigazzjoni jingħad li l-isem ta’ Vincenzo Romeo kien biżżejjed biex il-kriminali ta’ Messina jagħmlu pass lura, u ħafna oħrajn ipoġġu lilhom infushom għad-dispożizzjoni tiegħu. Kien irnexxielu jimmodernizza lil din il-klann tal-mafja b’firxa ta’ ħidmiet f’setturi ġodda. Dan bl-introduzzjoni tal-logħob tal-flus u l-imħatri, b’mod speċjali onlajn, b’rabta ma’ tradizzjonijiet lokali antiki bħat-tlielaq taż-żwiemel.
Fid-dokumenti tal-investigazzjoni, din il-mafja kienet deskritta bħala waħda sinjura ħafna, pulita u ffurmata fis-salott tat-tajjeb tal-belt. U minkejja li l-armi kienu preżenti, dawn ma kinux il-mezzi ewlenin tal-mafja, iżda kienu l-kumpaniji, professjonisti, il-flus u sistemi paralegali biex idawru l-illegalitajiet.
Vincenzo, iben Concetta Satapaola (oħt Nitto, il-kap storiku tal-mafja ta’ Catania) u Francesco Ciccio Romeo (ikkundannat għal reati tal-mafja), saħansitra spiċċa punt ta’ riferiment għall-awtoritajiet. Jidher li mill-inqas erba’ uffiċjali tal-Pulizija minn sezzjonijiet differenti tal-Korp fl-Italja kellhom rabtiet miegħu bl-iskop li jgħinhom jaqbdu kriminali lokali iżgħar, akkużati b’serq.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Italja, intqal li l-klann immexxi minn Vincenzo kien irnexxielu jaġġudika l-konċessjoni biex jopera fl-industrija tal-logħob onlajn u l-imħatri, mit-tlielaq taż-żwiemel sal-poker u mħatri fuq logħob tas-Serie A.
Iżda f’dan kollu fiex tidħol Malta? Skont l-investigazzjoni, instab li minn pajjiżna kienet qed titħaddem din is-sistemà kollha, għaliex kien f’pajjiżna li twaqqfet u ġiet rikonoxxuta s-sede tas-soċjetajiet marbuta ma’ Vincenzo Romeo. U dan bħal ħafna kumpaniji oħra barranin li sabu lil pajjiżna bħala ideali biex jibbenefikaw minn liġijiet ta’ taxxi u regolamenti dwar il-logħob onlajn.
Minn interċettazzjoni oħra joħroġ li fl-2010, il-familja mafjuża kienet tat indikazzjonijiet biex jintlagħbu l-flus fuq draw ta’ 1-1 f’logħba tas-Serie A bejn Chievo u Catania. Il-logħba, li ntlagħbet fil-21 ta’ Marzu 2010, spiċċat propju b’dan ir-riżultat.
Logħob tal-flus ukoll fuq tlielaq illegali taż-żwiemel, bl-investigaturi jgħidu li kulħadd jaf li f’Messina sa minn kmieni filgħodu jsiru tlielaq taż-żwiemel b’mod illegali, f’nofs tat-toroq ta’ madwar il-belt u f’postijiet differenti biex ikun kważi impossibbli li l-uffiċjali tal-Pulizija jilħqu jaslu fil-ħin.
Wara dawn it-tlielaq hemm ukoll lat ieħor inkwetanti, biż-żwiemel akkwistati mill-familja Romeo u nies qrib tagħhom mogħtija mediċini ta’ kull tip biex ikun assigurat li dawn joħorġu rebbieħa u jkomplu jiġġeneraw iżjed flus.
L-istess familja u n-nies qrib tal-klann kienu qed imexxu wkoll numru ta’ ċentri tal-logħob tal-imħatri kif ukoll responsabbli mit-tqassim ta’ magni tal-videopoker fil-provinċja ta’ Messina.
Fl-aħħar sigħat, b’rabta ma’ din l-investigazzjoni, fl-Italja ġew arrestati 28 persuna akkużati b’assoċjazzjoni mafjuża, estorsjoni, trasferiment bi frodi, riċiklaġġ u pussess illegali ta’ armi u ħidma abbużiva fis-suq tal-logħob tal-flus u l-imħatri fost l-oħrajn.
L-arresti saru f’diversi partijiet tal-Italja fosthom Messina, Catania, Siracusa, Milan u Turin, u fost l-arrestati hemm ukoll Carlo Borella, l-eks President tal-assoċjazzjoni ta’ Messina li tirrappreżenta lill-bennejja.
//= $special ?>