Sport Sport Ieħor

Żgħażagħ Għawdxin għal esperjenza fi Franza

Żgħażagħ fi ħdan AFASEC għaddejjin bil-lezzjonijiet tagħhom quddiem il-kastell medjevali li jinsab fi Grostois

Dalgħodu sitt żgħażagħ Għawdxin se jħallu Malta biex jivvjaġġaw lejn Pariġi fi Franza ħalli jieħdu sehem f’kors intensiv ta’ erbat ijiem dwar taħriġ, kura u żamma ta’ żwiemel tat-trott organizzat minn waħda mill-aqwa skejjel fid-dinja f’dan il-qasam, AFASEC.

Dawn iz-żgħażagħ huma Daniel Hili, Joshua Sare’, Neville Spiteri, Marie Claire Said, John Vella u Melchior Debono. Huma se jkunu akkumpanjati mis-sinjura Mary Mifsud Micallef, President tal-Gozo Horseracing Association.

Il-parteċipazzjoni ta’ dawn iz-żgħażagħ f’dan il-kors kienet possibli grazzi għall-assistenza mogħtija mill-Gozo Sports Board immexxi mis-sinjuri Alvin Grech (CEO) u Ġorġ Fenech (Chairman) u fuq kollox grazzi għall-ftehim milħuq ftit tax-xhur ilu bejn AFASEC u Dr Kenneth Vella, li barra li hu ġurnalist sportiv, huwa wkoll kap ta’ skola u riċerkatur fil-qasam edukattiv. Vella ġie maħtur rappreżentant ta’ AFASEC għal pajjiżna.

Dan il-kors fuq erbat ijiem se jsir fl-aqwa ċentru Ewropew tat-taħriġ taż-żwiemel, dak ta’ Grosbois, fiz-zona ta’ Boissy St Leger. L-iskola AFASEC hi kkunsidrata fost l-ewlenin mhux biss fi Franza iżda fid-dinja u minn taħt l-għalliema tagħha għaddew uħud mill-aqwa jockeys, trainers u sewwieqa Franċiżi.

Dan anki għax tikkollabora matul is-sena mal-assoċjazzjonijiet Franċiżi Le Trot u France Galop li huma sieħba tagħha u għandha l-appoġġ ukoll tal-kumpanija tal-imħatri PMU u anki tal-għaqdiet li jirrapreżentaw lis-sewwieqa, trainers, jockeys u sidien Franċiżi. Hi għandha ħames ċentri u seba’ residenzi mxerrda ma’ Franza kollha.  Barra fi Grosbois, AFASEC tinsab ukoll f’Cabries, Chantilly, Chazey Sur Ain, Deauville, Maisons Lafitte u Pau.

Mistoqsi dwar kif wasal li kors ta’ dan il-livell jiġi offrut lil żgħażagħ Għawdxin, Vella qal li issa ilu għal diversi xhur jaħdem ma’ Florence Pierret, il-kap tal-iskola AFASEC fi Grosbois biex jiġi ppreparat dan il-kors u ġie offrut lid-dilettanti Għawdxin wara talba li kienet saritlu minn Mary Mifsud Micallef. “Iżda dan ma jfissirx li fil-futur korsijiet simili mhux se jiġu offruti wkoll anki lill-Maltin,” qal Vella.

Dan seta jsir possibli wkoll għax fl-aħħar snin, AFASEC jew L’Ecole Des Courses Hippiques bdiet toffri korsijiet u esperjenzi prattiċi fiċ-ċentri tagħha mxerrda madwar Franza mhux biss lil żgħażagħ Franċiżi iżda anki lil oħrajn minn diversi pajjiżi fosthom Skandinavi (Żvezja u Finlandja), Brittaniċi u issa wkoll Maltin u Għawdxin.

Ta’ min wieħed jinnota li l-korsijiet vokazzjonali offruti minn AFASEC huma rikonoxxuti mill-ogħla istituzzjonijiet edukattivi Franċiżi u ċertu korsijiet offruti jitilgħu saħansitra sa livell ta’ baċċelerat jew diploma.

Ma’ Vella AFASEC iffirmat ftehim ta’ esklussivita’, rappreżentanza u kollaborazzjoni wara li anki talbitu informazzjoni dwar l-esperjenza tiegħu fil-qasam edukattiv.

L-iskola AFASEC ġiet imwaqqfa biex tgħin fl-iżvilupp ta’ dan l-isport fi Franza. Dan minħabba li f’dan il-pajjiż it-tiġrijiet taż-żwiemel huwa kkunsidrati industrija u fiha jaħdmu 40% tal-ħaddiema kollha fis-settur ekwestru.

Fi Franza hemm nofs il-koros kollha fil-pajjiżi Ewropej (246) u jiġu organizzati il-fuq minn 18,000 tiġrija matul is-sena. Huwa kkunsidrat li aktar minn 4000 persuna hi impjegata fl-industrija tat-taħriġ u l-preparazzjoni taż-żwiemel u dan in-numru mistenni jiżdied fix-xhur li ġejjin. Kien minħabba f’hekk li AFASEC matul is-sena toffri diversi korsijiet ta’ preparazzjoni u taħriġ għal dawk li jridu jaħdmu direttament fl-istalel bħal manager tal-istalel, jockey jew sewwieq, trainer, assistant trainer jew tan-nagħal.

“Minħabba l-valur taċ-ċertifikat maħruġ minn AFASEC, kull sena aktar 700 żgħażugħ Franċiż jipparteċipa f’xi wieħed mill-korsijiet offrut minn din l-istituzzjoni Franċiża.

Il-korsijiet huma mfittxija għax joffru esperjenza teoretika u anki prattika fejn wara siegħat ta’ lezzjonijiet fil-klassi l-parteċipanti jkollhom iċ-ċans jaħdmu direttament fl-istalel ma’ uħud mill-aqwa trainers Franċiżi li huma wkoll magħrufa anki fid-dinja.

Barra dan illum fi Franza ħadd ma jista’ jaħdem direttament fis-settur jekk ma jkollux ċertifikat maħruġ minn din l-istituzzjoni. Illum dan il-kunċett qiegħed jiġi kkupjat f’pajjiżi oħra fejn l-edukazzjoni vokazzjonali u dan l-isport huma b’saħħithom u kien għalhekk li AFASEC intalbet tgħin ukoll f’dan ir-rigward,” qal Dr Vella.

Mistoqsi wkoll dwar il-lezzjonijiet u l-għalliema li se jkunu qiegħed jgħallmu liż-żgħażagħ Għawdxin, Vella kkonferma li se jkunu nvoluti diversi għalliema għalkemm l-aktar li se jagħtu s-sehem tagħhom se jkunu tnejn. L-ewwel waħda se tkun Clementine Schmit li fil-passat kellha wkoll esperjenza ta’ trainer u sewwieqa u tibqa’ msemmija bħala waħda mill-preparaturi taż-ziemel popolari Oyonnax, rebbieħ tal-Grand Prix d’Amerique ftit tas-snin ilu.

It-tieni għalliem se jkun Jean Marc Welter li ilu għalliem għal dawn l-aħħar 12-il sena u ħadem ma’ diversi trainers u sewwieqa Franċiżi stabbiliti. Hu għandu 54 sena. Il-lezzjonijiet se jingħataw kollha bl-Ingliż u fi tmiem il-kors il-parteċipanti Għawdxin se jkunu ppreżentati b’ċertifikat li hu rionoxxut mill-assoċjazzjoni Franċiża Le Trot.

Minn naħa tagħha l-President tal-Gozo Horseracing Association, Mary Mifsud Micallef tenniet li kien ta’ unur u sodisfazzjon għaliha li kors ta’ dan il-livell ġie offrut u preparat apposta għaz-żgħażagħ Għawdxin.

“Kuntenta li talba li kont għamilt ftit tax-xhur ilu lil Vella ġiet aċċettata wkoll mid-diriġenti ta’ din l-iskola Franċiża. Nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lill-uffiċjali tal-Gozo Sports Board u l-Ministeru għal Għawdex li emmnu f’din l-inizjattiva sa mill-mument li ħabbarniha,” qalet Micallef.

Minn naħa tiegħu, Alvin Grech, CEO tal-Gozo Sports Board ikkummenta li l-edukazzjoni hi dejjem priorità għall-bord tiegħu. “Il-bord qed jinvesti bis-sħiħ sabiex itejjeb il-livell tal-isport b’mod ġenerali. Aħna nemmnu li l-edukazzjoni sportiva hi ċ-ċavetta tas-suċċess u għaldaqstant ma stajniex ma nkunux parti minn inizjattiva daqshekk importanti sabiex l-isport tat-tiġrijiet ikompli jiżviluppa u jitjieb fil-gżira Għawdxija. Il-bord jixtieq jawgura kull suċċess lill-parteċipanti kollha u jawgura li fil-futur ikun hemm aktar opportunitajiet li bihom nikkoperaw aktar mal-Gozo Horseracing Association,” tenna Grech.  Association.

Dwar il-pjanijiet għall-futur, Dr Kenneth Vella tenna li ma’ Pierret diġà qed jaħdem dwar meta jista’ jitla t-tieni grupp ta’ żagħażagħ Maltin fi Grosbois.

“Wieħed irid jifhem li din hi esperjenza unika. Fl-aħħar snin kien hemm numru sabiħ ta’ żgħażagħ Maltin li marru jippruvaw jaħdmu f’din l-industrija f’pajjiżi bħal Franza u l-Iżvezja u kors offrut minn AFASEC żgur jgħin f’dan ir-rigward. Personalment sodisfatt għax mhux faċli li tikkonvinċi isitutuzzjoni bħal AFASEC biex tagħtik iċ-ċans tikkollabora magħha u lili tatni l-opportunita’ ngħaqqad il-professjoni tiegħi, l-edukazzjoni mal-passjoni tiegħi, it-tiġrijiet taż-żwiemel,” ikkonkluda Dr Kenneth Vella.