Lokali Parlament

Il-Gvern ma jwettaqx il-prinċipji tad-diskors tal-President

F’emenda ppeżentata fil-parlament fid-dibattitu dwar id-diskors tal-President ta’ Malta, l-Oppożizzjoni sostniet li bil-fatti l-Gvern mhux iwettaq dak li intqal fid-diskors tal-President fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura għaliex għadu jwettaq transfers partiġġjani; liema transfers qed jimminaw l-għaqda nazzjonali, idaħħlu firda partġġjana, joħolqu linji diviżorji u jħallu l-feriti tal-firda miftuħa.

Fl-emenda għall-mozzjoni, ppreżentata mid-deputat Nazzjonalista Ryan Callus, il-PN qal li minkejja l-fatt li fl-okkażjoni tat-tieni leġiżlatura ta’ Gvern Laburista, inqara diskors mit-Tron li jaħseb għall-għaqda nazzjonali biex “kull ġurnata għandha tkun ġurnata ta’ fejqan” u “jħares l-għaqda u jaħdem biex jgħaqqad lil pajjiżna”, iżda li fl-istess ħin ma jistax jittieħed bis-serjetà minn dawk kollha li sofrew transfers partiġġjani fil-perjodu mill-għada tal-elezzjoni sal-mument li fih inqara dan id-diskors, liema transfers ma ġewx revokati, jimminaw l-għaqda nazzjonali, jdaħħlu firda partiġġjana, joħolqu “linji diviżorji” u jħallu miftuħa “l-feriti tal-firda”;

Il-PN qal li minkejja li l-Gvern jgħid li jrid “l-istituzzjonijiet nazzjonali … ikunu aktar aċċessibli u kontabbli lejn il-Poplu”, min għamel xogħlu jitkeċċa jew issirlu vendikazzjoni bħaż-żewġ uffiċjali tal-FIAU li tkeċċew waqt li fl-istess ħin il-Prim Ministru, iċ-Chief of Staff u Ministru ewlieni jinsabu taħt inkjesta maġisterjali.

Jekk il-Gvern jgħid li jrid “l-istituzzjonijiet nazzjonali…ikunu aktar aċċessibbli u kontabbli lejn il-Poplu”, għandu jaċċetta l-id tal-ħbiberija tal-Oppożizzjoni u jaħtar Kummissarju tal-Pulizija u l-Kmandant tal-Forzi Armati b’vot ta’ żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti, minflok jippermetti li jitmexxew minn persuni b’emil li mhux “kontabbli lejn il-Poplu”;

Il-PN sostna li l-opportunita’ li “t-tnaqqis tal-eta’ tal-votazzjoni fl-elezzjonijiet ġenerali u tal-Parlament Ewropew, jiġifieri minn 18-il sena ghal 16-il sena” ġiet imċaħħda diġà darbtejn minn mindu s-suġġett tqajjem fil-dominju pubbliku u ppropona li din l-opportunità għandha tingħata liż-żgħażagħ fl-ewwel appuntament elettorali li jmiss

Minkejja t-ton ta’ għaqda nazzjonali, il-Gvern qiegħed ikaxkar saqajh milli jirrispondi mistoqsijiet parlamentari dwar każijiet ta’ allegat prattiċi korrotti ta’ xiri ta’ voti fl-aħħar elezzjoni ġenerali, fosthom l-1,000 impjieg mal-Gvern f’Għawdex.

Il-PN kompla li minkejja li l-Gvern naqas milli jinvesti fl-infrastruttura ta’ pajjizna f’dawn l-aħħar erba’ snin, “ma jistax jonqos li l-infrastruttura u d-dehra ta’ pajjiżna, tingħata l-importanza meħtieġa.” biex tittaffa l-problema tat-traffiku u titjieb il-kwalita’ tal-ħajja tal-poplu tagħna;

Il-PN insista li l-proġett “it-twettiq tal-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex”, jitwettaq u jiżviluppa b’kunsens nazzjonali u li fit-twettiq tal-wegħda tal-Gvern li “jirrevedi l-liġi tal-IVF”, il-priorità lejn id-dritt tal-ħajja tiżboq kull prijorità oħra. L-Oppożizzjoni se tkun qed iżżomm lill-Gvern kontabbli għall-wegħda tiegħu li jżid il-proġetti tad-djar soċjali, hekk kif il-lista ta’ stennija laħqet livelli inaċċettabli, li b’riżultat qed tkompli taggrava s-sitwazzjoni tal-faqar f’pajjiżna.

L-Oppozizzjoni se tassigura li l-ftehim milħuq bejn l-imsieħba soċjali qabel l-aħħar elezzjoni dwar iż-żieda fil-paga minima jiġi mplimentat kif imwiegħed u li meta l-Gvern iwiegħed li “l-protezzjoni tal-ambjent tingħata piż f’kull deċiżjoni maġġuri”, tkun imwettqa mhux bil-kliem biss iżda bil-fatti.

L-Oppożizzjoni tinsisti li l-wegħda li “persuni li jokkupaw karigi ewlenin f’awtoritajiet regolatorji jitpoġġew taħt skrutinju Parlamentari” hi waħda riċiklata mhux imwettqa fil-leġiżlatura li għaddiet u li teħtieġ tiġi imwettqa jekk il-kliem “f’din il-leġiżlatura jrid ikompli jsaħħaħ l-istituzzjonijiet u l-istrutturi, li huma l-pilastri li fuqhom hija mibnija d-demokrazija tagħna” huma kliem li l-Gvern jemmen fihom bis-serjetà.

L-Oppożizzjoni sostniet li se tkun qed izzomm lil Gvern taħt skrutinju biex dak li wiegħed ikun imwettaq, se żżommu kontabbli għad-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tiegħu u se tassigura, li dan ikun Gvern mhux tal-ftit imma tal-ħafna, f’mument fejn pajjiżna jixraqlu jerġa’ jikseb id-dinjità li tixraqlu, filwaqt li naħdmu bla waqfien sabiex l-ekonomija ta’ pajjiżna tibqa’ miexja ‘il quddiem, u fejn il-ġid jinfirex fuq il-ħafna.