Internazzjonali Knisja

Il-Kardinal Pell lura l-Awstralja sabiex jaffaċja akkużi ta’ abbuż sesswali

Il-Kardinal George Pell, ir-responsabbli tal-finanzi tal-Vatikan, irritorna lura l-Awstralja llum sabiex jidher quddiem il-qorti iktar tard dan ix-xahar fuq akkużi ta’ abbuż sesswali. Hu kien ordnat jidher quddiem qorti f’Melbourne fis-26 ta’ Lulju għal smiegħ preliminari fuq għadd ta’ akkużi ta’ abbuż sesswali allegatament imwettqa għexieren ta’ snin ilu meta kien saċerdot fl-Awstralja. Huwa ntlaqa’ minn uffiċjali tas-sigurtà mal-wasla tiegħu f’Sydney qabel ġie eskortat immedjatament f’karozza ’il barra mill-ajruport. Pell, l-Arċisqof Emeritu ta’ Sydney u Melbourne, dejjem saħaq l-innoċenza tiegħu u xejjen bis-saħħa kollha dawn l-allegazzjonijiet. Il-pulizija qalet li l-akkużi jinvolvu diversi lmenti iżda d-dettalji tal-akkużi għadhom ma ġewx ppubblikati.

Kelliem għal Pell stqarr li għalkemm il-Kardinal, konsulent viċin tal-Papa Franġisku, ma kien se jagħti ebda kumment lill-istampa, huwa kien grat għall-għadd ta’ messaġġi ta’kurraġġ li qiegħed jirċievi. L-istqarrija kienet tgħid li meta kien affaċċjat bl-akkużi mill-Pulizija ta’ Victoria waqt li kien Ruma, il-Kardinal Pell kompletament nnega dawn l-allegazzjonijiet, stqarr l-innoċenza totali għall-akkużi u mpenja ruħu li jirritorna lura l-Awstralja b’wiċċu minn quddiem sabiex jiddefendi u jnaddaf ismu fil-qorti.

Għalhekk, ir-ritorn tiegħu llum għalhekk m’għandiex titqies bħala sorpriża. “Jiena innoċenti għal dawn l-akkużi. Huma foloz. Din l-idea ta’ abbuż sesswali hija diżgustanti għalija,” kien qal dak iż-żmien. Pell ingħata leave mill-Papa sabiex ikun assenti minn ħidmietu fil-Vatikan. Il-Papa għamilha ċara li l-Kardinal mhux se jintalab jirreżenja mit-tmexxija tal-ekonomija tal-Vatikan.

Dawn l-akkużi ħabtu mal-istadji finali tal-Kummissjoni li tinvestiga dawn l-abbużi fl-Awstralja, li bdiet fl-2012 wara għaxar snin ta’ pressjoni sabiex jiġu nvestigati ħafna akkużi ta’ pedofelija istituzzjonalizzata. Din il-Kummissjoni tkellmet ma’ eluf ta’ vittmi u semgħu allegazzjonijiet ta’ pedofelija li jinvolvu knejjes, orfanatrofji, klabbs tal-isport, gruppi taż-żgħażagħ u skejjel. Pell deher quddiem il-kummissjoni tliet darbiet.