Il-Qorti tal-Maġistrati laqgħet it-talba ta’ Daphne Caruana Galizia u ordnat biex fi żmien ġimgħa, l-operaturi kollha tat-telefonija ċellulari f’Malta jipprovdu t-TAP files tat-telefons ċellulari tal-Ministru Chris Cardona u l-konsulent tiegħu Joe Gerada fil-ġranet fejn kien allegat li żar burdell fil-Ġermanja.
F’digriet mogħti mill-Maġistrat Francesco Depasquale, il-Qorti ordnat ukoll li dawn il-files ikunu konsenjati b’mod issiġillat u jinfetħu fi żmien meta tiddeċiedi l-Qorti.
Il-Qorti qalet illi filwaqt li l-informazzjoni li qed tintalab bħala regola titqies bħala informazzjoni privata u li tista’ tintalab biss f’każijiet ta’ investigazzjoni kriminali serja, fil-każ tal-lum jirrigwarda “mhux biss persuna pubblika iżda persuna politika eletta miċ-ċittadin Malti sabiex jirrappreżentah u jaġixxi għan-nom tiegħu u li kien jinsab barra minn Malta jirrappreżenta l-interesssi tal-pajjiż in ġenerali.”
Kien f’April li għadda li l-avukati ta’ Daphne Caruana Galizia ppreżentaw rikors fil-qorti biex tkun assigurata l-preservazzjoni tal-files TAP3 mill-operaturi tat-telefonija ċellulari dwar fejn kien il-Ministru Chris Cardona meta allegatament hu żar l-FKK Acapulco.
Daphne Caruana Galizia, sostniet li l-Ministru Cardona kien żar burdell waqt li kien fuq xogħol tal-Gvern; liema allegazzjoni kienet miċħuda mil-Ministru Cardona li ressaq ukoll diversi libelli. Cardona u Gerada fetħu wkoll mandati kawtelatorji li bihom iffriżaw l-assi bankarji ta’ Caruana Galizia sa €47,000.
It-TAP3 files jinkludi l-ħinijiet ta’ telefonati u sms mibgħuta, il-lokazzjoni u l-codes tat-telefonati u l-informazzjoni dwar is-cell tower ID tan-network tal-operatur barrani li jkun fis-seħħ meta persuna tkun barra minn Malta u informazzjoni relatata.
Il-Qorti ordnat ukoll li l-operaturi ineħħu kull data personali ta’ terzi personali fosthom numri ta’ telefon u messaġġi li setgħu intbagħtu minn jew li rċevew Cardona u Gerada.
Il-Ministru Cardona qal li dakinhar hu kien baqa’ f’Essen fil-Ġermanja fejn kien hemm jattendi forum tal-Kummissjoni Ewropea. Hu nsista li qatt ma’ mar fil-burdell, li hu 20 kilometru ‘l bogħod minn Essen.
Fir-rikors l-Avukati Antonio Ghio u Joe Zammit Maempel, li qed jidhru għal Caruana Galizia, kienu qalu li hemm il-possibbiltà li meta Caruana Galizia tasal biex tressaq il-provi, il-files TAP3 għall-perjodu bejn it-30 u l-31 ta’ Jannar 2017 jkunu laħqu tħassru. Dawn il-files ġeneralment jinżammu għal sitt xhur.
Il-każ mistenni jkompli jinstema’ f’Ottubru.
L-Avukat Pawlu Lia qed jidher għall-Ministru Chris Cardona u Joe Gerada filwaqt li l-Avukati Joe Zammit Maempel u Antonio Ghio qed jidhru għal Daphne Caruana Galizia.
//= $special ?>