Sport Sport Ieħor

Jinkisru sitt rekords fil-Kampjonati Nazzjonali tal-Għawm

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq, saru l-Kampjonati Nazzjonali tal-Għawm u għal darba oħra nkisru diversi rekords. Fost ir-rekords kien hemm dominanza fil-kompetizzjonijiet femminili b’total ta’ ħames rekords minn sitta. Jispikka fosthom ir-rekord tal-50 metru Breaststroke.

Kienet Leah Tanti waqqfet rekord fil-Age Group C fil-50 metru Breaststroke b’ħin ta’ 35.74 sekonda biex kisret il-ħin ta’ 35.76 sekonda li kienet għamlet Stephanie Schranz f’Diċembru tal-1997. Mill-istess kategorija, Amy Micallef għamlet rekord nazzjonali ġdid b’ħin ta’ 33.68 sekonda, biex kisret il-ħin tagħha ta’ 33.98 sekonda li kienet għamlet fi Frar.

Fil-100 metru Butterfly, Mya Azzopardi kisret ir-rekord tagħha stess ta’ 1:07.29 li kienet għamlet f’April ta’ din is-sena, f’ħin ta’ 1:06.18 għal rekord f’Age Group D. Fl-istess grupp, inkiser rekord ieħor permezz ta’ Francesca Falzon Young li 50 metru Backstroke waqqfet l-arloġġ f’31.10 u kisret ir-rekord ta’ Azzopardi ta’ 31.64 sekonda li kienet għamlet f’Ġunju. Dan kien ukoll rekord nazzjonali.

Leah Tanti għamlet it-tieni rekord f’Age Group C din id-darba fil-50 metru Butterfly meta niżlet taħt it-30 sekonda b’ħin ta’ 29.85 sekonda biex kisret ir-rekord ta’ Mya Azzopardi ta’ 30.04 sekonda li kienet għamlet f’April tas-sena l-oħra.

Mill-kompetizzjonijiet tal-irġiel, kien hemm rekord wieħed, dak nazzjonali ta’ Mikhail Umnov li fil-200 metru Medley għamel ħin ta’ 2:11.4 biex kiser ir-rekord preċedenti ta’ 2:13.41 li kien għamel Thomas Wareing xahar ilu.

Tags