L-awtoritajiet Awstrijaċi projbew lill-Ministru għall-Ekonomija Tork, Nihat Zeybekci, milli jidħol l-Awstrija biex jattendi rally li fakkar l-ewwel anniversarju tal-kolp ta’ stat fallut ta’ sena ilu fit-Turkija.
Kelliema għall-Gvern qalu li ż-żjara tal-Ministru kellha tirrappreżenta periklu ‘għall-ordni pubblika u s-sigurtà’, bl-Amministrazzjoni tat-Turkija ma tikkummentax mal-ewwel dwar id-deċiżjoni.
Ir-relazzjonijiet bejn l-Awstrija u t-Turkija huma diġà karatterizzati bit-tensjoni wara li l-Awstrijaċi kritikaw ir-reazzjoni tal-Gvern Tork fil-konfront tal-kolp ta’ stat li kien sar kontra l-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan.
‘Il fuq minn 50,000 persuna spiċċaw arrestati fit-Turkija, b’140,000 jitkeċċew jew jispiċċaw sospiżi mix-xogħol waqt stat ta’ emerġenza li ilha f’postha mindu membri tal-Armata Torka mexxew l-attentat għall-kolp ta’ stat f’pajjiżhom, fil-15 ta’ Lulju li għadda.
Thomas Schnoll, il-kelliem għall-Ministeru Awstrijak għall-Affarijiet Barranin, intant, ‘ikkonferma’ li l-Ministru responsabbli, Sebastian Kurz, ipprojbixxa lill-Ministru għall-Ekonomija Tork milli jidħol l-Awstrija. Madankollu, Kurz sostna li ‘il-bibien tal-pajjiż huma miftuħa għal Nihat Zeybekci biex jagħmel żjara bilaterali’.
L-Awstrija hi favur l-iffriżar tan-negozjati tat-Turkija għal sħubija eventwali fl-UE. Fl-istess ħin, l-Awstrijaċi huma fost diversi pajjiżi li esprimew preokkupazzjoni għall-miżuri ħorox u ripressivi mill-Gvern ta’ Ankara fil-konfront ta’ sezzjonijiet tal-poplu Torok, wara l-aħħar attentat għall-kolp ta’ stat.
//= $special ?>