Internazzjonali

L-IRAQ: Il-Prim Ministru jħabbar ir-rebħa finali f’Mosul

Is-suldati Iraqqin javviċinaw l-inħawi ta' Mosul

Il-Prim Ministru Iraqi, Haider al-Abadi, ftit tal-minuti ilu, iddikjara r-rebħa formali fuq l-ISIS fil-belt importanti ta’ Mosul, wara sensiela ta’ battalji kontra t-terroristi fl-inħawi li damu għal kważi disa’ xhur. Abadi, imbagħad, xejjer bandiera nazzjonali waqt li ħabbar ‘il-kollass ta’ Stat terrorista (f’Mosul) li kien ibbażat fuq il-ħażen u l-falsità’.

Il-qawwiet tas-sigurtà Iraqqin, illum, kienu qed jikinsu l-aħħar elementi tal-ISIS minn Mosul u b’Haider al-Abadi, iżomm lura għal sigħat milli jiddikjara ‘ir-rebħa finali’. Dan meta l-aħħar militanti tal-ISIS kienu qegħdin jiddefendu l-aħħar 180 metru ta’ art f’dik il-belt.

Il-belt ta’ Mosul spiċċat , fil-parti kbira, imfarrka wara xhur ta’ gwerra li fihom mietu eluf ta’ ċivili, b’aktar minn 920,000 persuna jkunu kostretti li jgħixu bħar-refuġjati.

Il-kmandanti tal-koalizzjoni anti-ISIS taħt it-tmexxija tal-Istati Uniti qalu li l-kumbattimenti urbani f’Mosul kienu l-aktar intensiva miż-żmenijiet tat-Tieni Gwerra Dinjija. Il-koalizzjoni, għal dawn l-aħħar xhur, ipprovdiet l-appoġġ mill-art u mill-ajru lill-qawwiet tal-Iraq li kienu qed imexxu l-koalizzjoni deċiżiva kontra l-ISIS f’Mosul u l-madwar.

Skont l-aħħar indikazzjonijiet — qabel l-aħbar finali dwar il-waqgħa ta’ Mosul — ftit għexieren ta’ militanti kienu qed jiddefendu kwartier żgħir fil-Belt l-Antika , viċin ix-Xmara Tigris. Fl-istess zona kien fadal ukoll numru ta’ ċivili li x’aktarx kienu qraba tal-ġellieda tal-ISIS u li x’aktarx kienu qed jintużaw bħala ‘tarka umana’ mill-istess militanti.