L-Unjoni Ewropea mhix kuntenta bl-offerta tal-Prim Ministru Britanniku, Theresa May, liċ-ċittadini tal-UE li qegħdin jgħixu fir-Renju Unit. Il-kelliema qalu li l-offerta ta’ settled status lil dawn iċ-ċittadini wara l-Brexit – il-proċess għat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni – hi, fil-fatt, ‘ferm anqas minn dak li huma intitolati għalih iċ-ċittadini Ewropej’.
Il-kunċett ta’ settled status jirriferi għal residenza komuni fir-Renju Unit u sitwazzjoni fejn l-individwu ma jkunx ristrett għal żmien partikulari fil-pajjiż skont il-kriterji tal-immigrazzjoni.
Sadattant, id-deputati tal-Parlament Ewropew – fosthom Guy Verhofstadt, in-negozjatur ewlieni tal-Parlament Ewropew dwar il-Brexit – fissru l-proposta ta’ May bħala ’il bogħod minn impressjonanti’. F’ittra konġunta li ntbagħtet lill-gazzetti, id-deputati u Verhofstadt qalu li l-proposta inkwistjoni ‘toffri lill-Ewropej fir-Renju Unit anqas drittijiet milli jkunu qed igawdu l-Britanniċi fl-Istati tal-UE’.
Mill-banda l-oħra, Damian Green, bħala Ministru tal-Kabinett Britanniku, qal li ‘se jibqgħu preservati d-drittijiet bażiċi’ taċ-ċittadini tal-UE li qegħdin jgħixu fir-Renju Unit. Green anki ħeġġeġ lil Verhofstadt ‘biex jaqra l-proposta tar-Renju Unit’ fejn il-Gvern ta’ Theresa May jinsisti li għandu jippermetti biex madwar tliet miljun ċittadin tal-UE jibqgħu fir-Renju Unit ‘fuq l-istess bażi li teżisti bħalissa’.
L-immigranti tal-UE li jkunu għexu għal ħames snin fir-Renju Unit għandhom ikollhom aċċess għal servizzi tas-saħħa u tal-edukazzjoni, flimkien ma’ benefiċċji oħra.
Madankollu, il-proposti tal-Prim Ministru May se jkunu dipendenti fuq kemm l-Istati-membri tal-UE jiggarantixxu l-istess drittijiet għall-Britanniċi f’arthom.
Il-kapijiet tal-erba’ gruppi politiċi li ffirmaw l-imsemmija ittra konġunta jagħmlu tajjeb għal żewġ-terzi tal-voti fil-Parlament Ewropew. L-ittra tagħhom, intant, tirreferi għall-fatt li huma għandhom il-poter biex jiċħdu kwalunkwe ftehim għall-Brexit qabel dan jista’ jidħol fis-seħħ. Dan ukoll meta l-Parlament Ewropew irid japprova l-ftehim għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.
Il-kapijiet tal-erba’ gruppi lanqas mhuma lesti biex jaċċettaw xi ħaġa li tista’ twarrab id-drittijiet li kisbu diġà ċ-ċittadini. Huma qalu li l-proposta tar-Renju Unit ‘qed taqa’ lura mil-livell mixtieq’ għaliex għandha tneħħi d-drittijiet attwali taċ-ċittadini Ewropej (residenti fir-Renju Unit) minbarra li toħloq stil ġdid ta’ burokrazija u inċertezza għal miljuni ta’ nies.
//= $special ?>