Lokali Parlament

Maħtur Assistent Kummissarju meta nstab ħati ta’ reat kriminali

L-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Mario Tonna nstab ħati li nġurja uffiċjal tal-Pulizija iżda minkejja dan il-Gvern xorta tah promozzjoni għal Assistent Kummissarju.

Dan irriżulta waqt il-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari meta l-Ministru tal-Intern Michael Farrugia kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-Viċi-Kapijiet tal-PN Mario de Marco u Beppe Fenech Adami u tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.

Għal diversi mistoqsjiet, il-Ministru Farrugia qal li meta ġew evalwati l-kundizzjonijiet ta’ ingaġġ mill-ġdid u promozzjonijiet, hemm numru ta’ kundizzjonijiet li persuna trid taqa’ taħthom. Hu qal li mir-rapporti li għandu, ma kien hemm ebda Assistent Kummissarju li kellu offiża kriminali serja li timpedih milli jkompli javvanza ‘il quddiem.

Fil-każ tal-Assistent Kummissarju Mario Tonna jirriżulta li dan kien instab ħati li nġurja lill-uffiċjal tal-pulizija Carmelo Bartolo iżda issa b’din il-promozzjoni, Mario Tonna ġie fuq l-uffiċjal li hu stess inġurja.

Beppe Fenech Adami qal li l-kriterji inbidlu dwar il-kondotta tal-uffiċjali tal-pulizija u qal li l-gvern qed jibgħat messaġġ ħażin għaliex Tonna instab ħati b’reati kriminali fil-konfront ta’ superjur tiegħu u issa ingħata promozzjoni. Hu staqsa x’messaġġ qed jibgħat il-gvern meta l-Ministru tal-Intern qed jammetti li qed ibiddel il-kriterji għall-promozzjoni anki meta l-persuna tkun kriminal.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-PSC ma sabet l-ebda oġġezzjoni fil-kriterji li tnaqqsu.

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li s-sentenza tal-Qorti tal-Appell tal-2011 mhix online fis-sistema u staqsa x’messaġġ qed jintbagħat lill-impjegati tal-Gvern li jinstabu ħatja ta’ reati żgħar iżda uffiċjal fil-pulizija jingħata promozzjoni wara li inġurja uffiċjal.

Michael Farrugia qal li meta l-piena ma taqbiżx ċertu ammont, ma jkunx hemm azzjoni ta’ tkeċċija. Hu sostna li meta jkun hemm l-approvazzjoni tal-PSC, l-ebda ministru m’għandu jindaħal fid-deċiżjonijiet għaliex il-PSC hi entità indipendenti mill-politika.

Beppe Fenech Adami qal li kien il-Ministeru tal-Intern li bidel il-kriterji. Dan m’għandux x’jaqsam mal-PSC għaliex wara li nbidlu dawn il-kriterji seħħ il-każ ta’ Mario Tonna, li hu kriminali ikkundannat. Hu staqsa għaliex inbidlu l-kriterji fosthom li tneħħa l-kriterju li l-assistenti kummissarji ma jkollhomx il-kondotta nadifa.

Il-Ministru Farrugia qal li mhux ġust li min wettaq reat jissejjaħ kriminal għal għomru.