Formula 1 Sport

Max Verstappen se jibqa’ mar-Red Bull fl-2018 – Jos Verstappen

Max Verstappen sa issa kellu staġun negattiv (Ritratt: EPA)

Max Verstappen se jkun qed isuq mar-Red Bull fl-2018, bil-konferma tasal minn missieru Jos Verstappen. Il-futur taż-żagħżugħ kien suġġett ta’ spekulazzjoni dan l-istaġun, hekk kif l-Olandiż jinsab lura fil-battalja għar-rebħ tal-kampjonat wara li kellu jirtira minn diversi tiġrijiet.

It-Team Principal ta’ Red Bull Christian Horner insista ripetutament li l-kuntratt ta’ Verstappen mat-tim hu 100%, u l-eks sewwieq Jos Verstappen iggarantixxa li ibnu mhux se jiċċaqlaq.

Rapporti fi tmiem il-ġimgħa qalu li Verstappen talab li jitlaq lil Red Bull fi tmiem l-istaġun li ġej biex fl-2019 isuq mal-Ferrari. Iżda Horner ddeskriva din l-aħbar bħala propoganda u żvela li l-Olandiż mhux se jkun disponibbli għal timijiet oħra sal-2020 li jfisser sena tard minn dak li qed ikun ġeneralment rappurtat.

Ilbieraħ fil-Grand Prix tal-Awstrija, Verstappen irtira fil-ħames tiġrijia mill-aħħar sebgħa wara li kellu kuntatt ma’ Fernando Alonso, f’inċident ikkawżat minn Daniil Kvyat.

Qabel it-tiġrija, iż-żagħżugħ ta’ 19-il sena kien qal li Red Bull għandhom bżonn karozza b’magna tajjeb li tissielet għar-rebħ tal-kampjonat. Hu tenna li għandu kuntratt u għadu jemmen li t-tim jista’ jagħmel biċċa xogħol tajba. Iżda hu saħaq li hemm bżonn li jkollhom il-pakkett kollu biex ikunu jistgħu jissieltu u sostna li f’dan il-mument mhux il-każ, fejn qal li huma mhux l-aktar veloċi fid-dritta.