Missier u iben illum tressqu l-Qorti akkużati fost oħrajn li ilbieraħ wara nofsinhar f’Marsaxlokk ħebbew għal tliet membri tal-Korp tal-Pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
Fouad Tayel ta’ 58 sena imwieled l-Eġittu u ibnu Omar Fouad Tayel ta’ 18 sena, it-tnejn residenti fiż-Żejtun kienu armati b’bankarella fil-monti ta’ Marsaxlokk meta l-pulizija ġew fuq il-post biex jagħmlu r-ronda tas-soltu meta seħħ l-argument.
Quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli, il-missier u l-iben kienu akkużati wkoll li kkaġunaw ġrieħi ħfief fuq Surġent mara u Kuntistabbli.
It-tnejn wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.
Id-Difiża talbet għall-ħarsien tal-arrest, liema talba sabet l-oppożizzjoni tal-Prosekuzzjoni li argumentat kontra l-ħelsien minħabba n-natura tar-reat li tiegħu jinsabu akkużati.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000 kull wieħed. Il-Qorti imponiet ukoll numru ta’ kundizzjonijiet fosthom li ma joħorġux mid-dar bejn il-11.30p.m. u l-5.30a.m. u jiffirmaw tliet darbiet fil-ġimgħa fl-għassa tal-Pulizija taż-Żejtun.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Anzjan Johann Fenech filwaqt li l-Avukat Martha Mifsud dehret għall-akkużati.
//= $special ?>