L-eks avukat Patrick Spiteri iddikjara fil-Qorti li qatt ma ipprova jaħrab mill-ġustizzja billi mar ir-Renju.
Quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli, Spiteri għamel talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba raġunijiet ta’ saħħa.
Patrick Spiteri kien arrestat fir-Renju Unit f’Mejju li għadda fuq talba tal-awtoritajiet Maltin permezz tal-proċedura tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew biex jiffaċċja diversi każi ta’ frodi u miżapropprjazzjoni li l-valur komplessiv tagħhom jaqbeż €7.4 miljun.
Hu qal li bejn l-2008 u l-2013 qabel marad, kien hemm 35 seduta fil-Qrati u attenda 80% tagħhom, minkejja li kien qed jgħix barra mill-pajjiż. Spiteri qal li ma deherx f’uħud mis-seduti għaliex ma kienx notifikat u f’oħrajn kien ikun fuq xogħol barra minn Malta u dejjem informa lill-Prosekuzzjoni u lill-Imħallef Edwina Grima.
Spiteri kompla li qatta l-biċċa l-kbira tal-2014 f’Macmillan Cancer Center fejn eventwalment kien ċertifikat li qed isofri minn marda li tikkawża ħsara fin-nervituri u fil-ġilda. Hu tenna li l-konsulent mediku kien ordnalu biex ma jivvjaġġax u kien informa lill-Qorti, li aċċettat l-ispjegazzjoni tiegħu. Sadanittant, laħqu ħarġu l-Mandati ta’ Arrest Ewropew.
Spiteri kompla li hu kien hemm tentattiv biex jiġi estradit lejn Malta f’Marzu ta’ din is-sena imma l-qagħda ta’ saħħtu tant kienet ħażina li ma ppermettietx dan. Eventwalment, Spiteri wasal Malta f’Mejju u ddikjara li ma opponiex din l-estradizzjoni. Hu kompla li l-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin, mhux post għal persuni fil-qagħda ta’ saħħa tiegħu.
Fost ir-raġunijiet li semma għat-talba għall-ħelsien mill-arrest, Patrick Spiteri qal li l-ġenituri tiegħu, li għandhom ‘il fuq minn 90 sena, ma jistgħux iżuruh fil-ħabs.
Waqt il-kontroeżami, l-Assistent Kummissarju Ian Abdilla staqsa lil Spiteri għaliex ma baqax jikkomunika mal-pulizija wara li ħarġu l-mandati fl-2014. Min-naħa tiegħu, Spiteri wieġeb li l-indirizz tiegħu fir-Renju Unit ma nbidilx u fil-fatt, kien hemmhekk li sabitu il-Pulizija Ingliża.
L-Avukat ta’ Patrick Spiteri, Stefano Filletti, qal li “fit-tajjeb u fil-ħażin, kulħadd jaf min hu Patrick Spiteri iżda għandu jkun hemm differenza bejn dawk li huma fatti u perċezzjoni.” L-Avukat Filletti kompla li Spiteri kiseb ċertu fama minħabba l-perċezzjoni li ħarab lejn ir-Renju Unit meta dan deher fiċ-ċar li mhux każ ta’ persuna maħruba. “Wieħed jaf f’liema pajjiżi għandu jmur jekk irid jaħrab mill-ġustizzja,” tenna l-Avukat Filletti fejn kompla li anki meta marad, Spiteri baqa jżomm kuntatt mal-Pulizija u kienu jafu fejn qiegħed.
L-Avukat Filletti qal li l-Qorti għandha l-mezzi biex tikkontrolla l-movimenti ta’ Spiteri jekk tilqa’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest. Iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba u fakkret lill-Qorti mill-proċess legali twil li kellu jsir sabiex Spiteri jinġieb lura Malta.
Il-Qorti mistennija tagħti digriet fuq it-talba għall-ħelsien mill-arrest qabel is-seduta li jmiss li se ssir fil-jiem li ġejjin.
//= $special ?>