L-Ispanjol Rafael Nadal kien l-ewwel tennista mill-ewwel erbgħa eliminat wara li tilef kontra Gilles Muller tal-Lussemburgu 3-6, 4-6, 6-3, 6-4, 13-15 f’logħba li damet 4 sigħat u 47 minuta.
Il-bidu tal-partita kien bilanċjat, b’Nadal ma jidhirx 100% filwaqt li Muller kien aktar ċiniku biex jieħu vantaġġ mill-iżbalji ta’ Nadal, bit-tennista mil-Lussemburgu jirbaħ l-ewwel set wara 33 minuta. In-numru 26 tad-dinja baqa’ jikkontrolla lill-avversarju u rnexxielu saħansitra jirbaħ it-tieni set 6-4.
Bil-pressjoni kollha fuqu, Nadal wera l-kwalitajiet tiegħu u rnexxielu jidħol fil-partita bir-rebħ tat-tielet set u bis-service jkompli jitjieb, Nadal irnexxielu jirbaħ ukoll ir-raba’ set, biex sforza l-ħames set li hu dak deċiżiv. Muller kellu erba’ match points fejn seta’ jagħlaq il-logħba, iżda finalment kien it-tennista minn Lussemburgu li rebaħ biex għadda għall-kwarti tal-finali ta’ Wimbledon għall-ewwel darba.
F’logħbiet oħra, Andy Murray għeleb lil Benoit Paire 7-6, 6-4, 6-4. Minkejja li ma tax l-impressjoni li kien 100%, Murray għamel biżżejjed biex jirbaħ u b’hekk għat-tmien sena konsekuttiva jinsab mal-aħħar tmienja ta’ dan it-tournament.
Murray rebaħ l-ewwel set b’diffikultà u kellu jagħmel reazzjoni wara li Paire kien 4-2 minn fuq. Iżda l-Iskoċċiż irnexxielu jisforza t-tie-break, u rebħu faċilment biex kiseb l-ewwel set. Hu kompla jikkontrolla lill-Franċiż biex kiseb iż-żewġ sets ta’ wara biex għalaq il-logħba f’sagħtejn u 21 minuta. Fil-kwarti tal-finali hu se jilgħab kontra s-sid numru 24 fid-dinja l-Amerikan Sam Querrey.
Roger Federer għadda wkoll wara li għeleb lil Grigor Dimitrov tal-Bulgarija 6-4, 6-2, 6-4. L-Iżvizzeru ddomina b’wirja brillanti u b’konklużjonijiet ta’ klassi biex rebaħ f’siegħa u 38 minuta.
B’din ir-rebħa, Federer jinsab fil-kwarti tal-finali għal 15-il darba konsekuttiva. Hu ħa vantaġġ massimu mill-iżbalji tal-avversarji b’total ta’ 25 kontra l-11 tiegħu. Kien fit-tmien logħba tat-tielet set li Dimitrov irnexxielu jirbaħ logħba bis-service ta’ Federer. L-Iżvizzeru jilgħab fil-kwarti tal-finali kontra Milos Raonic li għeleb lil Alexander Zverev.
Avvanzaw ukoll Marin Cilic u Tomas Berdych filwaqt li l-aħħar logħba tal-aħħar 16 bejn Novak Djokovic u Adrian Mannarino tintlagħab għada.
//= $special ?>