Matul din il-ġimgħa f’pajjiżna qed jiġi ċċelebrat għeluq l-40 sena ta’ tfajla mill-Indja b’festeġġjamenti fost l-oħrajn fi Smart City, il-Kalkara, fejn fl-ewwel jum taċ-ċelebrazzjonijiet spikka l-lussu inkredibbli u bi spiża sostanzjali.
Fuq il-midja soċjali dlonk ittellgħu ritratti tat-tiżjin mill-isbaħ għal dan l-avveniment, bi drapp ikkulurit, tiżjin rikk u saħansitra kejk kbir daqs tal-aqwa tiġijiet. Persuni li attendew saħansitra spjegawlna li l-familja tat-tfajla kriet ukoll skorta tal-Pulizija li akkumpanjawha sal-Kalkara, fost spettaklu ta’ nar matul is-serata, karozzi lussużi u spettaklu kontinwu mill-funtana ta’ Smart City.
Net News jinsab infurmat li l-pajnijiet għal dan l-avveniment damu sejrin għal erba’ xhur sħaħ minn organizzaturi Maltin, biċ-ċelebrazzjonijiet f’pajjiżna jdumu għaddejjin għal tlett’ijiem sħaħ.
It-turiżmu mill-Indja fl-aħħar snin żdied sew, b’mod speċjali għal attivitajiet simili, tiġijiet jew anniversarji partikolari. Għal dawn l-avveimenti, mill-Indja qed jaslu familji sħaħ ta’ għexieren ta’ persuni li huma magħrufa li jonfqu kemm jifilħu bħala sinjal tar-rikkezzi li għandhom u l-klassi soċjali għolja tagħhom.
Filfatt il-ġimgħa li għaddiet sar ukoll tieġ li dam sejjer ġimgħa sħiħa, b’attivitajiet u ċelebrazzjonijiet organizzati fl-iktar lukandi lussużi ta’ pajjiżna, kuljum f’lukanda differenti.
Dan l-avveniment qed ikun orgainzzat minn Sarah Young.








