Lokali

San Publju jiltaqa’ ma’ San Pawl fuq il-gżejjer

F’għeluq il-1950 sena mill-martirju ta’ San Pawl, l-Assoċjazzjoni Publju ta’ Malta l-Ħadd organizzat pellegrinaġġ storiku bi statwa ta’ San Publju fuq il-Gzejjer ta’ San Pawl, il-gżejjer ta’ Selmun li għandhom rabta mal-miġja ta’ San Pawl f’Malta. Il-pellegrinaġġ bl-istatwa akkumpanjata minn għadd ta’ laneċ beda minn fuq il-moll f’San Pawl il-Baħar sal-Gżejjer ta’ San Pawl, fejn ġiet iċċelebrata quddiesa taħt l-istatwa ta’ San Pawl li tinsab fuq il-gżejjer. Mal-wasal lura f’Malta l-istatwa ta’ San Publju daret ma’ uħud mit-toroq ta’ Buġibba.

L-Ass. Publju ta’ Malta qed tfakkar il-ħames snin mit-twaqqif tagħha u dan il-pellegrinagg tista’ tgħid li juri li l-għan tal-għaqda b’xi mod jew ieħor qed jintlaħaq, dak li jkabbru d-devozzjoni tal-Maltin lejn dan il-qaddis Patrun ta’ Malta. Ukoll din l-Assoċjazzjoni fi Frar li għadda kisbet b’mod uffiċjali t-titlu ta’ organizzazzjoni mhux governattiva (NGO).

Id-dettall tal-istatwa kif deskritt mill-Assoċjazzjoni;

Publju, ippreżentat kif mhux soltu narawh, prinċep żgħażugħ. Surtu, hi mżejna bi lbies li jikxef is-sejħa tiegħu – ta’ ħakem; żigarella fuq rasu u tunika Rumana bajda b’faxxi ħomor taħt il-mantell ħamrani rikk; il-kamżu tal-bizzilla/xogħol artistiku kif jaħdem Alla fil-Pjan tal-Fidwa. Fil-każ tagħna, nisġa ta’ avvenimenti bħall-bizzilla; in-nawfraġju ta’ Pawlu. Fil-kumplament tal-ilbies barra minn ħakem narawh bħala l-Isqof tal-Gżira, ragħaj it-tajjeb. Publju f’idejh qed isserraħ fuq iċ-Ċippus ta’ Melkart. Bl-id l-oħra qed isellem, id ta’ ħakem, ta’ Protos, id ta’ isqof imma fuq kollox id ta’ ħlewwa. Ir-riġel tal-lemin, fis-sod wieqfa fuq blat Gżiritna u l-blata l-ġdida li fuqha bdejna ninbnew. Is-sieq l-oħra x-xellugija, filwaqt li sserraħ fuq iċ-Ċippus, fl-istess ħin jisħaq ras is-sultan tad-dinja bir-raġuni, tal-ġungla, l-iljun. F’din l-ikona ta’ Publju ta’ Malta, hemm miġbura ġrajjiet il-komunità nisranija ta’ Knisja Maltija.

Ritratti; Assoċjazzjoni Publju ta’ Malta.