Lokali Qorti

Tonio Fenech jirbaħ libell kontra Joseph Muscat, Stefan Zrinzo Azzopardi u Glenn Bedingfield

“Hija sfortuna kbira li l-politiċi kollha jagħtu spazju u importanza lil nies bħal Charles Magro illi huma disposti li jħammġu u jattakkaw lil kull min jaqblilhom unikament sabiex ikunu jistgħu jiggwadanjaw finanzjarjament filwaqt illi jintogħġbu ma’ min huwa politikament oppost għall-persuna li qed tiġi attakkata,” - il-Maġistrat Francesco Depasquale

Glenn Bedingfield kien ordnat iħallas €3,000 f’danni lill-eks Ministru Tonio Fenech wara li nstab ħati ta’ malafama. Il-każ imur lura għal Novembru 2009 meta fl-aħbarijiet tal-istazzjon laburista kien allegat li saru xogħolijiet fid-dar ta’ Tonio Fenech “bi pjaċir”. Dwar l-istess każ instabu ħatja wkoll Joseph Muscat u Stefan Zrinzo Azzopardi bħala Mexxej u President tal-Partit Laburista rispettivament wara li l-allegazzjonijiet kienu ripetuti fi stqarrija tal-Partit Laburista f’Mejju tal-2011. Huma kienu ordnati jħallsu €1,000 f’danni.

L-istorja hi dwar xogħolijiet fid-dar residenzjali ta’ Tonio Fenech fejn wara li ċertu Charles Magro, li kien imqabbad biex jagħmel ix-xogħolijiet, qabad u telaq mill-lant tax-xogħol minħabba diżgwid mal-kuntratturi li kienu qed jagħmlu xogħolijiet strutturali u ippretenda ħlasijiet xorta waħda.

Wara li dan ma sarx, l-istess Charles Magro mar għand l-eks Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb li intervjena biex jiltaqa’ ma’ Edgar Galea Curmi, dak iż-żmien segretarju tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi. L-istess Magro beda jallega li l-kuntratturi JPM Brothers qalulu li x-xogħolijiet fid-dar tal-Ministru bi pjaċir biex jgħinhom fil-bejgħ tas-sit tal-lukand Jerma. L-allegazzjonijiet kienu mxandra mill-media Laburista u ripetuti fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale, innutat li Charles Magro ma ġab ebda prova biex isostni dak li kien qed jallega u l-€20,000 li suppost kienu dovuti mill-eks Ministru għal xogħolijiet mwettqa.

“Hija sfortuna kbira li l-politiċi kollha jagħtu spazju u importanza lil nies bħal Charles Magro illi huma disposti li jħammġu u jattakkaw lil kull min jaqblilhom unikament sabiex ikunu jistgħu jiggwadanjaw  finanzjarjament filwaqt illi jintogħġbu ma’ min huwa politikament oppost għall-persuna li qed tiġi attakkata,” sostna l-Maġistrat Depasquale fis-sentenza tiegħu.

L-Avukat Peter Fenech deher għal Tonio Fenech filwaqt li Joseph Muscat, Stefan Zrinzo Azzopardi u Glenn Bedingfield kienu assistiti mill-Avukat Pawlu Lia.