Futbol Sport

X’għandhom komuni Mark Zuckerberg u l-futbol?

Wara li akkwista d-drittijiet biex juri l-logħob taċ-Champions League fl-Istati Uniti, Mark Zuckerberg jidher li hu lest u jdaħħal il-facebook aktar fil-futbol. Dan hekk kif skont il-media Ingliża, il-President u fundatur tal-facebook jidher li qed imexxi konsorzju ta’ investituri Amerikani biex jippruvaw jakkwistaw lil Tottenham Hotspur b’offerta ta’ €1.1 biljun. Iżda Tottenham kienu pronti jiċħdu l-istorja fejn qalu li ma hemm l-ebda tip ta’ negozjati.

Għalissa jidher li din hi biss ħsieb, iżda wara li akkwista d-drittijiet biex ixandar fuq facebook il-logħob tal-Major Soccer League u ċ-Champions League, dan jista’ jkun il-bidu biex Mark Zuckerberg jidħol fid-dinja tal-futbol u jkun protagonista flimkien ma’ investituri oħra.

Is-sid ta’ Tottenham Joe Lewis mhux dispost li jbigħ il-klabb fis-sena li l-klabb se jiċċaqlaq għal stadium ġdid ta’ proprjetà filwaqt li t-tim jinsab fiċ-Champions League. Ix-xewqa tiegħu kienet konfermata wkoll fi stqarrija tal-klabb. “L-amministrazzjoni ma għandha l-ebda negozjati għaddejjin bħalissa b’referenza għal offerta biex jinxtara l-klabb.”