Futbol Sport

Cerci jirritorna l-Italja

L-attakkant Alessio Cerci se jerġa’ jibda jilgħab fl-Italja. Dan wara li ffirma kuntratt ta’ sena mat-tim ta’ Verona li fl-istaġun li għadda kiseb il-promozzjoni għas-Serie A. Verona ma ħallsu l-ebda flus minħabba li Cerci kien għadu kemm inħall minn mal-kuntratt li kellu ma’ Atletico Madrid.

Hu kien ilu tliet snin jilgħab mal-klabb Spanjol wara li kien ingħaqad magħhom mingħand Torino. Dakinhar Atletico kienu ħallsu 16-il miljun ewro imma l-wirjiet tiegħu magħhom ma tantx kienu pożittivi u f’Jannar ta’ sentejn ilu kien misluf lil Milan.

Sena wara Atletico reġgħu sellfu lil Cerci din id-darba lil Genoa filwaqt li fl-istaġun li għadda lagħab ma’ Atletico imma kien preżenti għal biss 45 minuta minħabba li kellu injury serja f’irkopptu.
Cerci lagħab 14-il darba għal pajjiżu fejn irrappreżenta lill-Italja fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet tal-2013.

Ta’ min jiftakar li Verona akkwistaw anke lill-eksattakkant Taljan Antonio Cassano filwaqt li f’Ġunju taw ir-release lill-attakkant veteran Luca Toni.

Donadoni jġedded il-kuntratt
Roberto Donadoni ġedded il-kuntratt ma’ Bologna u se jibqa’ kowċ tagħhom sal-2019. Il-kuntratt preċedenti ta’ Donadoni kien se jiskadi fi tmiem l-istaġun li ġej imma issa se jdum sena oħra mal-klabb li ilu jmexxi għal dawn l-aħħar sentejn.

Fl-istaġun li għadda Bologna spiċċaw fil-15-il post filwaqt li sena qabel spiċċaw fl-14-il post.