Il-band ta’ fama internazzjonali, Coldplay, ħabbru l-kanzunetta ġdida “ALIENS” li ħarġet nhar is-6 ta’ Lulju, il-qligħ kollu minnha se jmur għall-MOAS, l-organizzazzjoni bbażata f’Malta li tieħu ħsieb issalva immigranti li jsibu ruħhom f’diffikulta fil-baħar.
Il-kanzunetta “ALIENS” inkitbet minn Brian Eno u nħolqot minn Eno u Markus Dravs ta’ Arcade Fire, Mumford & Sons u Kings Of Leon.
Il-kanzunetta hija parti mill-album Kaleidoscope, li wieħed se jkun jista’ jniżżlu bi ħlas nhar il-Ġimgħa li ġej 14 ta’ Lulju, waqt li se jkun disponibbli fis-suq permezz ta’ CD mill-4 t’Awwissu.
Bħala patruni tal-MOAS, il-Coldplay jissapportja l-operat tal-MOAS fil-ħidma tiegħu sabiex ifittex u jsalva persuni mill-baħar, kif ukoll fil-kampanji sabiex ikun hemm rotot siguri għall-immigranti u refuġjati li jfittxu l-kenn fl-Ewropa.
Il-ko-fundatur tal-MOAS, Regina Catrambone, irringrazzjat lill-Coldplay għall-preżenza kontinwa tagħhom fl-organizzazzjoni, u sostniet li l-mużika tagħhom twassal messaġġ lid-dinja bil-ħruxijiet u l-weġgħat ta’ dawn il-persuni. Hija qalet li din l-organizzazzjoni salvat mad-39,000 ħajja diġa, iżda huwa issa aktar minn qabel li hemm bżonn ta’ aktar għajnuna lejn il-ħidma li din l-organizzazzjoni twettaq.
//= $special ?>