Formula 1 Sport

F1 – Bottas isostni li hu sfidant għar-rebħ tat-titlu

Nhar il-Ħadd li għadda Bottas rebaħ il-GP tal-Awstrija

Wara t-tieni rebħa li kiseb matul dan l-istaġun, is-sewwieq il-ġdid tal-Mercedes Valtteri Bottas qal li jemmen bis-sħiħ li hu wieħed mill-isfidani għar-rebħ tat-titlu.

Nhar il-Ħadd li għadda Bottas kiseb it-tieni rebħa tal-karriera u tal-istaġun hekk kif rebaħ il-Grand Prix tal-Awstrija b’wirja brillanti u spiċċa 0.6 ta’ sekonda biss qabel il-lider tal-kampjonat Sebastian Vettel tal-Ferrari.

Daniel Ricciardo spiċċa t-tielet wara li rnexxielu jżomm lil Lewis Hamilton warajh fl-aħħar stadji tat-tiġrija. Qabel l-istaġun, meta Bottas kien magħżul mill-Mercedes biex jieħu post Nico Rosberg li kien irtira mill-isport wara li rebaħ it-titlu, ħafna ħasbu li dan kien se jkun biss it-tieni sewwieq tat-tim u se jkun fid-dell ta’ Lewis Hamilton.

Bir-rebħa li kiseb il-Ħadd Bottas qiegħed 25 punt taħt il-lider Vettel u 14-il punt taħt sieħbu Hamilton.
“Sa min meta ffirmajt kuntratt mal-Mercedes l-għan tiegħi minn dejjem kien li nisfida għar-rebħ tat-titlu. Jekk ħaddieħor ħaseb li kont se ningħaqad ma’ dan it-tim biex inkun komdu u mingħajr pressjoni kellu żball. Naf li għadu kmieni biex wieħed ibassar min jirbaħ il-kampjonat imma qed iħossni nitjieb f’kull tellieqa. Li hu żgur hu li jien se nibqa’ nagħti l-massimu tiegħi sal-aħħar tellieqa,” qal Bottas.

Il-futur tal-GP ta’ ilverstone f’dubju
Skont rapporti fil-midja Ingliża l-Grand Prix tar-Renju Unit jinsab f’riskju kbir li ma jibqax isir wara l-2019.

L-organizzaturi ta’ dan il-Grand Prix se jtemmu r-relazzjoni tagħhom minn mal-Formula 1 u b’hekk din it-tellieqa ssir nhar il-Ħadd li ġej, fl-2018 u fl-2019 sakemm tiġi eskluża mill-kalendarju.
Sa mill-1987 il-Grand Prix ta’ Silverstone dejjem sar u hu fil-fatt wieħed mill-aktar GP’s poplari fil-kalendarju.