Lokali

FILMAT: Keith Cassar issa huwa l-iżgħar Sindku tal-Mosta

Il-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista Keith Cassar inħatar b’mod uffiċjali fl-irwol tas-Sindku tal-lokalità tal-Mosta, f’laqgħa speċjali tal-Kunsill li saret it-Tnejn filgħaxija. B’hekk, Keith Cassar sar l-iżgħar Sindku tal-Kunsill Lokali Mosti minn mindu dawn twaqqfu.

Dan sar wara li Ivan Bartolo rriżenja mill-kariga wara li kien elett fil-Parlament fil-by-elections mill-ħdax distrett. Fl-istess laqgħa, il-Kunsillier James Cassar assuma r-responsabiltajiet bħala Viċi-Sindku tal-lokalità.

Waqt il-laqgħa tal-Kunsill, fl-ewwel kummenti tagħha bħala Sindku tal-Mosta qal li jilqa’ b’responsabbiltà dan l-inkarigu U jħares ‘il quddiem b’enerġija biex ikompli jibni fuq dak li diġa nbena mill-Kunsill Lokali.

Ma setax jonqos li waqt l-istess laqgħa tkellem ukoll issa l-eks Sindku tal-Mosta Ivan Bartolo, li ppreżenta l-ittra tiegħu ta’ riżenja lill-Kunsill. Huwa qal li fis-seba’ xhur li dam bħala Sindku, dejjem poġġa l-interess tal-lokalità l-ewwel.
Żied jgħid li minkejja li se jkun qed iservi rwol ġdid fil-Parlament, xorta se jibqa’ jkun viċin il-Mostin u viċin in-nies kollha.

Tul iċ-ċerimonja tal-ħatra Bartolo ta lil Keith Cassar l-insinja tal-lokalitaà li tirrapreżenta l-irwol ta’ Sindku u kif ukoll il-muftieħ, iċ-ċavetta għal dan ir-raħal.

Matul iċ-ċerimonja attendew numru ta’ membri distinti fosthom l-Onorovelo Edwin Vassallo u l-Whip tal-Opposizzjoni David Agius.