Lokali

FILMAT: Madwar elfejn kilometru bir-roti – mill-Kenja sat-Tanżanija

F'isem il-fondazzjoni LifeCycle, 12-il parteċipant se jsuqu r-rota fl-Afrika biex jiġbru l-fondi għall-kura tal-kliewi

Grupp ta’ 12-il persuna se jitilqu minn Malta biex jibdew il-vjaġġ tagħhom bir-roti u jaqsmu mill-Kenja għat-Tanżanija – fejn se jaqdfu total ta’ 1850 kilometru. Il-grupp LifeCycle għad-dsatax-il sena konsekuttiva se jkun qed jagħmel din il-maratona bir-roti, b’għan wieħed – dik li jinġabru l-fondi għall-kura fil-kliewi.

Qabel ma’ jitilqu għal dan il-vjaġġ, il-parteċipanti f’isem il-LifeCycle ġew fid-Dar Ċentrali tal-Partit fejn iltaqgħu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil. Minn naħa tiegħu Simon Busuttil, akkumpanjat mid-deputati David Agius u Karl Gouder, irringrazzjahom għal dan l-impenn nobbli li daħlu għalih biex jgħinu lil ħaddieħor, filwaqt li awguralhom l-isbaħ xewqat għal dan il-vjaġġ fl-Afrika.

NET News tkellem ma’ Alan Curry, wieħed mill-fundaturi tal-fondazzjoni LifeCycle, dwar l-iskop tal-fondazzjoni u kif ukoll dwar ir-rotta li se jieħdu, b’tul ta’ ftit inqas minn elfejn kilometru. Tkellimna wkoll ma’ Willie Saliba, fejn din se tkun il-ħdax il-darba li se jkun qed jipparteċipa f’din il-maratona bir-roti.

Din is-sena, Foster Clark’s se jkunu qegħdin jagħtu l-appoġġ tagħhom lil din l-isfida fl-Afrika bl-isem ta’ ‘On the Tribal Trail’, fejn rappreżentanti tal-kumpanija ġew ukoll sabiex jiltaqgħu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qabel tiskatta din il-maratona bir-roti.