Lokali Parlament

Id-diviżjoni fis-soċjetà ma tissolviex bit-transfers u azzjonijiet partiġġjani u vendikattivi

– Jean Pierre Debono, PN

Id-deputat Nazzjonalista Jean Pierre Debono qal li d-diviżjonijiet fil-pajjiż ma jissolvewx bit-transfers partiġġjani u azzjonijiet vendikattivi li qed iwettaq il-Gvern fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura.

Meta kien qed jitkellem fid-dibattitu dwar id-Diskors tat-Tron, Jean Pierre Debono qal li dan hu diskors tqil u iebes u sostna li l-Oppożizzjoni tagħraf kif l-isfidi għandha ddawwarhom f’opportunitajiet.

Hu sostna li s-saħħa tal-pajjiż tinsab fid-diversità għaliex din hi l-għaqda. Dan hu l-mod pożittiv li bih tħares l-Oppożizzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-PN jemmen fir-riżorsi umani tal-poplu u għalhekk id-diskors tal-President kellu iktar jgħafas fuq l-aspetti pożittivi tal-poplu milli jenfażizza d-dgħjufija ta’ xi qasmiet. Id-direzzjoni tal-pajjiż hi f’idejn il-Prim Ministru; li għadu jieħu lil dan il-pajjiż lejn dak li jgħaqqad.

Fil-bidu ta’ il-leġiżlatura l-gvern hu aktar mhedi b’tattiċi politiċi partiġġjani li bihim idgħajjef l-Oppożizzjoni, anki fil-parlament. Dan hu żmien li jitlob maturità mill-gvern biex ikun hemm l-għaqda biex fil-ħidma tinġieb iktar is-saħħa.

Il-Gvern jieħu pjaċir jieħu kapital politiku mid-diversità fl-opinjonijiet tal-Oppożizzjoni. Il-PN hu kburi bid-diversità li hemm fi ħdanu; l-Oppożizzjoni mhix se ktun umiljata.

Is-suċċess iridu jinkisbu billi jingħalqu l-feriti tal-firda u jitwaqqgħu l-ħitan diviżorji tal-firda. Il-gvern ma jisatx jibqa’ jwarrab il-potenzjal ta’ persentaġġ qawwi ta’ eluf kbar ta’ Maltin li ma jappoġġjawx lil dan il-gvern. Il-feriti ma jingħalqux bil-vendikazzjonijiet jew bit-transfers.

Jean Pirre Debono appella biex il-gvern ikun wieħed li jilqa’ fih lil dawn li ma jaqblux miegħu. Jekk il-gvern jagħmel din il-qabża l-Oppożizzjoni tkun miegħu biex jitneħħew il-ħitan diviżorji li jdgħajfu u mhux isaħħu lill-pajjiż.

Hu semma diversi setturi li jingħad li sejrin tajjeb, fosthom il-gaming u s-settur finanzjarju, u qal li l-Oppożizzjoni lesta tkompli tagħti l-kontribut tagħhom, kif għamlet fid-diskussjonijiet dwar l-Air Malta. S’issa l-gvern mhux femminista iżda gvern li ħatar nies skont il-linja politiku tiegħu. Dwar il-vot 16, il-gvern għandu jgħaddi għall-azzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista qal li x-xiri tal-fuels ma jistax jibqa’ ballun politiku. L-Oppożizzjoni se tkompli taħdem biex il-pajjiż jieħu l-opportunitajiet illum għall-ġid tal-poplu.