Internazzjonali

Kmandant Amerikan jappella lill-Iraq biex jevitaw ‘tieni verżjoni’ tal-ISIS

Il-Prim Ministru Iraqi Haider al-Abadi ddikkjara li l-Gvern Iraqi ta’ Baghdad rebaħ Mosul fost tixjir tal-bandiera nazzjonali qalb it-truppi f’din il-belt li serviet għal tliet snin bħala fortizza tal-ISIS. Minkejja r-rebħa storika, iżda, l-ogħla Kmandant Amerikan fl-Iraq wissa li l-gwerra kontra l-ISIS għadha ma ntemmitx. Hemm anki l-biża’ li f’żoni fil-belt l-antika għad hemm ġellieda tal-ISIS jew nies bl-istess ideoloġija moħbijin.

F’kumment lill-media internazzjonali, il-Ġeneral Stephen Townsend appella lill-Gvern Iraqi biex jersaq lejn il-Musulmani Sunni ħalli l-qawwiet tal-ISIS ma jerġgħux jiġġeneraw irwieħhom. Hu kompla li l-Gvern Iraqi għandu jaġixxi b’mod li s-Sunni jirrealizzaw li dan hu l-Gvern tagħhom ukoll.

Kienu disa’ xhur ta’ gwerra qalila li għamlet ħerba mill-belt, waqt li ħalliet eluf ta’ ċivili maqtula u 920,000 refuġjat.

Amnesty International akkuża kemm lill-forzi Iraqqin u l-koalizzjoni anti-ISIS b’li użaw armi b’qawwa kbira bla bżonn f’żoni ffullati. Akkuża oħra kienet li l-ġellieda tal-ISIS wettqu abbużi gravi fuq il-popolazzjoni ta’ Mosul. Il-Kmandanti tal-koalizzjoni mmexxija mill-Istat Uniti, li pprovdiet sostenn lill-Armata tal-Iraq, tennew li l-kumbattiment urban kien fost l-aktat qalil sa mit-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-President Amerikan, Donald Trump, filwaqt li awgura lill-poplu Iraqi għal din ir-rebħa storika, bagħat il-kondoljanzi u wera solidarjetà mal-vitmi tal-ġlied f’Mosul.

In-Nazzjonijiet Uniti stmat li nqerdu iktar minn 5,000 binja f’Mosul, b’490 minnhom jkunu fil-belt l-antika biss. Il-Koordinatriċi Umanitarja tan-NU, Lisa Grande, enfasizzat li l-kriżi umanitarja għadha ma spiċċatx u t-trawma hija kbira. Ħafna minn nies li ħarrbu tilfu kollox u għandhom bżonn saqaf fuq rashom, ikel, ilma, kif ukoll servizzi tas-saħħa u oħrajn sanitarji.

L-ISIS kien ilu jokkupa Mosul sa minn Ġunju 2014 u b’din it-telfa il-grupp terroristiku għadu jikkontrolla biss tliet żoni lejn il-Lbiċ, in-Nofsinhar u x-Xlokk tal-Iraq, minbarra xi żoni fis-Sirja. Bħalissa, il-fortizza tal-ISIS fil-belt Sirjana ta’ Raqqa tinsab taħt assedju minn ġellieda appoġġjati mill-Istati Uniti.