Internazzjonali

Konsegwenzi traġiċi tal-ħożba madwar l-Ewropa

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO)  qalet li, fl-aħħar sena, mietu 35 persuna minn epidemiji tal-ħożba madwar l-Ewropa.

Il-kelliema fissru l-imwiet – li setgħu kienu evitati bi programmi ta’ tilqim – bħala ‘konsegwenzi traġiċi li ma jistgħux ikunu aċċettati f’dawn iż-żmenijiet’.

L-aħħar każ tal-mewt mill-ħożba kien jinvolvi tifel ta’ sitt snin fl-Italja. Dan meta fil-pajjiż kienu rreġistrati ‘il fuq minn 3,300 każ tal-ħożba.

L-akbar numru ta’ fatalitajiet mill-ħożba kienu kkonfermati fir-Rumanija, fejn mietu 31 mill-effetti tal-infezzjoni.

Intant, kien hemm ukoll ‘l-imwiet bil-ħożba’ fil-Ġermanja u l-Portugall, minn Ġunju tal-2016 ‘il hawn.

It-tabiba, Zsuzsanna Jakab, id-direttur reġjonali tal-WHO għall-Ewropa, qalet li ‘kwalunkwe mewta jew każ ta’ diżabbiltà kkaġunati mill-ħożba, bir-raġun, iridu jitqiesu bħala termini traġiċi’. Dan meta wieħed jista’ jevita l-infezzjoni (li faċli tittieħed minn persuna għall-oħra)  bil-programmi preventivi speċifiċi – bil-Ġermanja, illum, qed taħseb biex tissikka l-liġi dwar it-tilqim kontra l-ħożba.

Jakab esprimiet tħassib li – minkejja li teżisti tilqima sikura u effettiva għal kontra l-ħożba –l-infezzjoni għadha xorta kawża tal-mewt ewlenija fost it-tfal madwar id-dinja ‘u meta sfortunatament l-Ewropa mhix ħielsa mit-theddida’.