Futbol Sport

Ninsabu preparati u nemmen li se nagħmlu lil pajjiżna kburi – Mark Miller

Kliem pożittiv minn Mark Miller (Ritratt: Domenic Aquilina)

Kliem pożittiv u ta’ fiduċja mill-kowċ Mark Miller, hekk kif illum fit-8.30pm fil-Hibernians Stadium, iċ-Champions Maltin Hibernians jilagħbu kontra ċ-Champions tal-Awstrija Red Bull Salzburg.

Mark Miller qal li hu kien impressjonat bl-avversarji għaliex huma ta’ livell differenti minn Hibernians, iżda qal li l-futbol hu mimli sorpriżi. Hu kompla billi qal li hu kburi bir-riżultati li l-plejers tiegħu kisbu fl-ewwel rawnd hekk kif għaddew u ma sofrewx gowl.

Il-kowċ ta’ Hibernians qabbel dan il-konfront ma’ David u Gulia, iżda sostna li jinsabu preparati u jemmen li l-plejers se jagħmlu lil Malta kburija. Miller kompla jgħid li hu analizza lill-avversarji għaliex kien preżenti għal partita ta’ ħbiberija li Red Bull Salzburg kellhom kontra Anderlecht il-Ġimgħa li għadda u kompla jgħid li realistikament huma aħjar minnhom f’kull pożizzjoni, u se jkunu preparati bl-iskwadra kollha għad-dispożizzjoni tiegħu.

Il-kowċ Ingliż qal li inkwetat fuq Red Bull Salzburg, iżda jinsab inkwetat fuq dak li qed jaħsbu l-plejers u jrid li wara li jgħaddu dawn iż-żewġ logħbiet, kulħadd ikun tgħallem xi ħaġa għaliex sostna li dawn huma avversarji ta’ kwalità għolja. Mistoqsi dwar liema hu l-aktar plejer perikoluż, Miller qal li impressjonah ħafna ż-żagħżugħ Ġappuniż Takumi Minamino u d-difensur Kroat ta’ 20 sena Duje Caleta-Car.

Il-captain ta’ Hibernians Clayton Failla qal li huma ma għandhom xejn x’jitilfu u se jilagħbu biex jagħtu l-100% tagħhom. Failla kellu kliem pożittiv hekk kif qal li jekk ikunu ffukati, jistgħu jiksbu riżultat pożittiv kif għamlu meta kienu rebħu lil Maccabi Tel-Aviv tal-Iżrael fil-bidu tal-istaġun 2015/2016.

Fost l-iskwadra ta’ Hibernians hemm żewġ plejers mill-Awstrija li għalihom hi partita speċjali. Marco Sahanek qal li għalihom hi polza fantastika għaliex se jilagħbu kontra tim mill-Awstrija, iżda jafu li għalihom hi logħba diffiċli għaliex jafu l-kwalità ta’ Red Bull Salzburg.