Il-President ta’ Genoa Enrico Preziosi ħabbar li biegħ lill-klabb u s-sidien il-ġodda se jkunu żvelati matul dawn il-jiem li ġejjin. Din l-aħbar mhux sorpriża wara li f’dawn l-aħħar staġuni l-partitarji kienu ilhom jipprotestaw għax xejn ma kienu kuntenti bit-tmexxija tal-klabb.
Fl-istaġun li għadda Genoa temmew fis-16-il post fil-kampjonat wara li kienu naqqsu mir-ritmu wara bidu tajjeb.
Preziosi kien akkwista lill-klabb lura fis-sena 2003.
Fl-2005 dawn kienu kisbu l-promozzjoni imma ġew relegati għat-tielet diviżjoni wara li nstabu ħatja ta’ match-fixing.
Riżultat ta’ dan Prezioso kien sospiż għal ħames snin imma dam erba’ snin sospiż wara li appella mid-deċiżjoni.
Eventwalment Genoa kisbu l-promozzjoni għas-Serie A fl-2007 imma fis-snin ta’ wara reġa’ kien hemm kontroversji kbar hekk kif fl-2015, minkejja li spiċċaw fis-sitt post ma ikkwalifikawx għall-Ewropa minħabba li ma ppreżentawx id-dokumenti mitluba mill-UEFA fil-ħin.
Genoa huma wieħed mill-eqdem timijiet fl-Italja u rebħu l-kampjonat disa’ darbiet. L-aħħar wieħed intrebaħ fl-1923-24.
//= $special ?>