Sandro Micallef kien elett bħala l-President il-ġdid tal-Għaqda Ġurnalisti Sports fil-Laqgħa Ġenerali Annwali li saret ilbieraħ fit-tieni sular tal-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq. Micallef se jkun ir-raba’ President tal-Għaqda li twaqqfet fl-1970, u se jkun qed jieħu post Charles Camenzuli li ma kkontestax għal darba oħra, wara li xahrejn ilu kien elett bħala l-President tal-AIPS Europe.
Waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali nqraw il-minuti u r-rapporti amministrativ u finanzjarju, fejn ntwera l-progress li għamlet l-Għaqda f’dawn l-aħħar snin. Saret ukoll l-elezzjoni biex jimtlew is-sitt postijiet vakanti għall-Eżekuttiv. Fil-karigi uffiċjali Sandro Micallef kien elett bħala President il-ġdid wara li ma kienx kontestat. Minkejja dan, hu talab vot ta’ fiduċja b’94% jivvutaw iva.
Mark Mizzi kien l-unika persuna li tefa’ n-nomina biex ikun elett bħala Segretarju Ġenerali flok Sandro Micallef, filwaqt li Mark Muscat kien elett bħala Teżorier u ħa post Antoine Dalli li għażel li ma jerġax jikkontesta. Il-Membri tal-Eżekuttiv eletti kienu Antvin Monsigneur, Joanna Camilleri, Stephen Azzopardi, Clinton Buhagiar, Lorraine Cunningham u Stewart Said. B’mozzjoni tal-President il-ġdid, Cristian Muscat kien co-opted fl-eżekuttiv.
Wara l-elezzjoni sar id-diskors minn Charles Camenzuli li għalih kien l-aħħar wieħed bħala President biex b’hekk temm 14-il sena fit-tmexxija tal-Għaqda Ġurnalisti Sports. Il-President il-ġdid Sandro Micallef għamel id-diskors tal-għeluq u fi tmiem il-laqgħa għadda mozzjoni li fiha t-tliet Presidenti passati tal-Għaqda, jiġifieri Fr. Hilary Tagliaferro, Henry Calleja u Charles Camenzuli jsiru Presidenti Onorarji. Ukoll kien nominat biex Simon Bonello jidħol fil-Hall of Fame tal-Għaqda Ġurnalisti Sports. Micallef preżenti wkoll numru ta’ rigali lil Camenzuli bħala tifkira fil-ħidma tiegħu fl-Għaqda.
//= $special ?>