Internazzjonali

Theddida għal Ariana Grande fil-Kosta Rika

L-aħħar rapporti mill-Kosta Rika qalu li raġel Kolombjan ta’ 22 sena inżamm taħt arrest fuq suspett li kien qed jhedded biex jattakka kunċert tal-kantanta popolari Ariana Grande. Ir-raġel spiċċa arrestat ftit tal-jiem ilu, u l-kunċert ta’ Grande sar xorta, skont il-programm, fl-inħawi ta’ Alajuela.

F’dan il-każ, it-theddida saret permezz ta’ messaġġi miktuba bl-Għarbi u li kienu ċirkulati fuq il-mezzi tal-midja soċjali.

Intant, żdiedet is-sigurtà għall-kunċerti ta’ Ariana Grande mindu seħħ l-attakk terroristiku tat-22 ta’ Mejju fir-Renju Unit, waqt kunċert li l-kantanta kienet qed tagħti fil-Manchester Arena, u fejn spiċċaw mietu 23 persuna (inklużi tfal) b’250 jisfaw midruba.

Il-Kap tal-Pulizija ta’ Kosta Rika, Walter Espinoża, issa, qal li anki jekk l-aħħar ‘theddida’ fil-konfront ta’ Ariana Grande kienet maħsuba bħala ‘ċajta’, l-awtoritajiet xorta qed jivverifikaw iċ-ċirkustanzi peress li s-sitwazzjoni hi sensittiva għall-aħħar u ħadd mhu qed jeskludi l-potenzjal traġiku ta’ dan l-aġir.

Min-naħa tagħha, il-kantanta Amerikana bagħtet ritratt mix-show ta’ Kosta Rika fuq il-kont tal-Instagram, iżda fl-ebda ħin ma rriferiet għat-theddida. Ariana Grande, issa, għandha tagħti erba’ kunċerti fil-Messiku fuq perjodu ta’ tmint ijiem, qabel timpenja ruħha f’aktar avvenimenti mużikali li  jsiru fil-Ġappun, ix-xahar id-dieħel.