Loredana Nemes, tfajla Rumena ta’ 19-il sena li tgħix l-Italja hija l-vittma tal-inċident tat-traffiku li seħħ dalgħodu taħt il-mini ta’ San Ġiljan.
It-tfajla ttajret minn taxi għall-ħabta tal-4:30a.m. fi Triq Mikiel Anton Vassalli fid-direzzjoni lejn San Ġiljan.
Jirriżulta li t-tfajla kienet miexja fuq il-bankina li hemm taħt il-mina fid-direzzjoni ta’ Paceville flimkien ma’ ħabib tagħha, ġuvni Taljan, Luciano Agostini ta’ 23 sena.
It-tfajla kienet qed tgħix f’appartament f’San Ġiljan u kienet f’Malta biex tistudja l-Ingliż.
Jirriżulta li s-sewwieq tat-taxi, raġel ta’ 59 sena mill-Mosta, ipprova jevita li jolqot lil ġuvni li kien qed jaqsam taħt il-mina u waqt li kien qed jimmanuvra laqat it-tfajla.
Kawża tad-daqqa mal-karozza, it-tfajla ttajret 120 metru.
Iż-żagħżugħ li kien mat-tfajla ttieħed l-isptar minħabba x-xokk qawwi li sofra. Jirriżulta li s-sewwieq tat-taxi ma kienx taħt l-effett tal-alkohol.
Għal xi ħin it-triq ingħalqet għat-traffiku waqt li l-Maġistrat Neville Camilleri qed imexxi l-inkjesta.
Din hi d-disa’ fatalita’ fit-toroq Maltin matul din is-sena.
Ritratti: facebook
//= $special ?>