Lokali

Attivista tal-CABS tispiċċa l-Qorti wara li għenet lill-Pulizija

Jekk tidħol f’proprjeta ta’ ħaddieħor waqt li tkun qed tassisti lill-Pulizija ma tkunx qed tikser il-liġi. Dan hekk kif Fiona Burrows, attivista tal-CABS inħelset minn kull akkuża, wara li nassab ressaqha l-Qorti hekk kif akkużaha li daħlet fil-proprjetà tiegħu mingħajr permess.

Il-każ seħħ lura f’Diċembru tal-2016, meta l-esperta internazzjonali fil-qasam tal-għasafar kienet fil-proprjetà tan-nassab madanakollu uffiċjali tal-Pulizija mill-Għassa tan-Naxxar ikkonfermaw li kienu talbu speċifikament lil Fiona Burrows sabiex dakinhar tgħinhom f’każ ta’ insib illegali ta’ Pluvieri f’dak is-sit. Dan filwaqt li ħareġ fid-deher li n-nassab, li għad għandu każ pendenti kontrih, kien jaf li l-esperta kienet qed tgħin lill-Pulizija.

Fi stqarrija il-CABS saħqu li pretendew li l-akkużi jaqgħu hekk kif skonthom dan kien wieħed mill-bosta eżempji ta’ kif l-FKNK u l-membri tal-għaqda, sistematikament qed jaħlu ż-żmien tal-Pulizija f’rapporti foloz. Dan kollu bil-għan li jipruvaw itelfu xogħol dawk li jżommu fi prijorità l-ġustizzja.

L-Uffiċjal tal-Istampa tal-CABS, Axel Hirschfeld insista li fl-aħħar snin aktar minn 40 membru tal-FKNK instabu ħatja ta’ nsib illegali wara li nqabdu fil-filmati miġbuda mill-CABS.