AC Milan il-bieraħ ħabbru fi stqarrija li l-goalkeeper żagħżugħ Gianluigi Donnarumma aċċetta l-offerta ta’ Milan u b’hekk se jġedded il-kuntratt tiegħu sas-sena 2021.
Donnarumma li għad għandu biss 18-il sena iżda li hu meqjus li jista’ jkun fost l-aqwa goalkeepers fid-dinja, kien irrifjuta l-ewwel offerta ta’ Milan ix-xahar li għadda, offerta li kienet meqjusa minn ħafna bħala waħda ferm vantaġġuża.
Iżda jidher li l-manager ta’ Donnarumma Mino Raiola sforza lil Donnarumma jirrifjuta fejn bla dubju kien hemm klabbs oħra li kienu interessati fl-akkwist tiegħu, l-iktar għaliex il-kuntratt preċedenti kien jiskadi f’Ġunju li ġej.
Iżda jidher li x-xewqa ta’ Donnarumma kienet li jibqa’ ma’ Milan u wara iktar diskussjonijiet intlaħaq dan il-ftehim, li minn Donnarumma se jaqla’ sitt miljun ewru kull staġun, minbarra li ngħata kuntratt ukoll ma’ Milan Antonio Donnarumma li hu ħu Gianluigi, u li wkoll jilgħab bħala goalkeeper.
Fil-kuntratt li se jkun iffirmat dalgħodu f’Casa Milan se jkun hemm klawsola ta’ 70 miljun ewro f’każ li Donnarumma jilħaq ftehim ma’ klabb ieħor.
F’Ottubru tas-sena 2015 Donnarumma idebutta fis-Serie A biex ta’ 16-il sena, 8 xhur, u sitt ijiem sar l-iżgħar goalkeeper li qatt lagħab fis-Serie A.
Meqjus ukoll bħala l-eredi naturali ta’ Buffon mat-tim nazzjonali, hu diġa’ lagħab erba’ darbiet mal-Azzurri.