Il-liġi tas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol ma tkoprix l-aspetti kollha relatati mas-sigurta’ fil-mod kif jinbnew binjiet jew torrijiet residenzjali. U dan il-fatt huwa inkwetanti għaliex preżentament ma hemmx liġi waħda u komprensiva li tindirizza sitwazzjonijiet relatati ma’ sigurta’ f’każ ta’ nirien.
Dwar dan tkellmet l-avukat Jacqueline Tanti Dougall meta t-Tnejn kienet mistiedna fil-programm Net Live. L-avukat spjegat x’nuqqasijiet hemm fil-liġi preżenti l-aktar minħabba l-fatt illi l-Occupational Health and Safety Law ma tkopprix kollox.
Waqt l-istess diskussjoni tkellem ukoll Aldo Busuttil, espert fil-qasam tas-saħħa u s-sigurta’, illi minn naħa tiegħu spjega li teżisti ħtieġa urġenti għal din il-liġi.
“Liġi direttament fuq fire safety għad m’għandniex. Qedgħin fl-2017 u liġi speċifika fuq dan is-settur m’hawnx f’Malta. Jeħtieġ li jsir xi ħaġa imminenti qabel isseħħ xi traġedja”.
Aldo Busuttil qal li hemm bżonn inkunu pro-attivi, għaliex sa issa hemm biss Avviż Legali 44 tal-2002. Din hija liġi li tirregola fire exits u kunċetti oħra fejn jidħlu binjiet kummerċjali.
It-tħassib dwar il-livell tas-sigurta’ f’torrijiet li qed jinbnew Malta beda l-aktar wara dak li ġara fl-14 ta’ Ġunju li għadda f’Londra meta nirien kbar ħakmu torri li kellu aktar minn 120 appartament. Ħafna iddeskrivew ix-xena tal-Grenfell Tower bħala infern. In-nar li hakem din l-istruttura dam xejn anqas minn 60 siegħa biex jiġi kkontrollat.
L-incident ħasad il-ħajja ta’ 80 persuna li mietu filwaqt li 70 indarbu. 200 pumpier u 45 fire engine kienu uzati f’din il-ħidma ta’ salvataġġ.
Wara din il-ġrajja kienu bosta dawk illi saqsew jekk f’pajjiżna aħna armati biżejjed biex nikkontrollaw nirien ta’ dan it-tip, u x’livelli ta’ fire safety jeżistu fit-torrijiet li qed naraw jinbnew. Issa jirriżulta li lanqas biss għandna liġi komprensiva li tikkontrolla dan l-aspett tal-kostruzzjoni.
//= $special ?>