Lokali

GO tilqa’ d-deċiżjoni tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – Vodafone Malta tirribatti

Fi stqarrija GO p.l.c. (GO) ħabbret li laqat id-deċiżjoni tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni, fi ħdan l-Awtorità Maltija tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) sabiex jingħata bidu għall-hekk imsejħa “Tieni Fażi”. Din se tkun qed tinkludi investigazzjoni dettaljata dwar il-proposta ta’ Melita li trid takkwista pussess tal-kummerċ ta’ Vodafone f’Malta.

GO innotat li tipikament, matul l-investigazzjonijiet tat’ “Tieni Fażi”, l-Uffiċċju se jwettaq riċerka u analiżi dettaljati dwar kwistjonijiet li jista’ joħloq akkwist bħal dan. Fost dawn il-kwistjonijiet hemm iż-żieda possibbli fil-prezzijiet, u l-possibiltà ta’ mġiba anti-kompetittiva li tista’ tirriżulta mill-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ dominanza fis-suq.

Kelliem ta’ GO innota li l-akkwist propost  ta’ Vodafone, f’settur kritiku bħat-telekomunikazzjonijiet, huwa bla preċedent peress li jnaqqas in-numru ta’ kompetituri ewlenin fis-suq għal tnejn. Fi kliemu insista li bla dubju, din tkun l-akbar konċentrazzjoni fis-suq li tkun qatt seħħet fl-istorja ta’ Malta. Dan filwaqt li nnota li GO ma tibżax mill-kompetizzjoni iżda, jekk mhux se jkun hawn kundizzjonijiet ġusti fis-suq, saħaq li tinħoloq sitwazzjoni fejn, fl-aħħar mill-aħħar, kemm il-kompetizzjoni u kif ukoll il-konsumaturi jmorru minn taħt u jitilfu.

Sadanittant fi stqarrjia Vodafone Malta insistew li tranżazzjoni bħal din kienet mistennija li kienet se tirrekkjedi analiżi aktar dettaljata li kienet se timxi għat-“Tieni Fażi” tal-investigazzjoni. Għaldaqstant il-kumpanija insistiet li se tkun qed tikkopera bis-sħiħ mal-Uffiċju tal-Kompetizzjoni.

Vodafone Malta sostniet li temmen li l-għaqda mal-kumpanija Melita se tipproduċi entità neċessarja sabiex tkun tista tikkompeti mal-kumpanija GO b’mod aktar effettiv. Huma insistew li jidher li f’Malta hawn domanda qawwija sabiex iż-żewġ kumpaniji jingħaqdu kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-konsumaturi sabiex ikunu jistgħu jikkompetu fis-servizzi tat-televiżjoni, internet u linji tat-telephone u mobile.