Lokali Parlament

Il-Parlament japprova l-liġi dwar żwieġ bejn l-istess sessi – “Billi vvota favur, il-PN hu fuq in-naha t-tajba tal-istorja” – Simon Busuttil

Il-Parlament illejla approva l-liġi dwar iż-żwieġ li biha sar possibbli li persuni tal-istess sess jiżżewġu. Il-Partit Nazzjonalista ivvota favur.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fi tweet qal li billi vvota favur fil-liġi dwar iż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess, il-Partit Nazzjonalista kien fuq in-naha t-tajba tal-istorja.

Qabel ittieħedet il-vot, il-Prim Ministru qal li minħabba li l-Gvern jikkunsidra li dan hu vot storiku, qed jipproponi li kull membru jqum u jiddikjara l-vot tiegħu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li m’hemmx qbil mal-proposta tal-Prim Ministru iżda l-Oppożizzjoni se tivvota favur din il-liġi.

Id-deputat Nazzjonlaista Edwin Vassallo talab li jagħmel dikjarazzjoni tal-vot u qal li fl-aħħar jiem għamel ħiltu kollha biex isib kompromess mal-kuxjenza biex għalkmem hu kontra l-liġi, jivvota mal-Oppożizzjoni.

Hu qal din il-liġi hi moralament inaċċettabbli u għalhekk se jivvota kontra biex jirrappeżenta lill-Maltin li għandhom din l-opinjoni. Edwin Vassallo ddikjara li se jivvota kontra.

Stqarrija tal-Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li jilqa’ b’sodisfazzjon l-vot tal-lejla favur il-liġi dwar iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess bħala pass ‘il quddiem għall-ugwaljanza fis-soċjetà Maltija. Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista vvota favur din il-liġi fl-istadji kollha tagħha hekk kif kien ħabbar il-Kap tal-Partit Simon Busuttil.

B’hekk Malta se ssir il-ħmistax il-pajjiż fl-Ewropa fejn persuni tal-istess sess jistgħu jidħlu fi żwieġ ċivili.

Il-liġi għaddiet mill-Parlament b’mod kważi unanimu b’appoġġ sħiħ miż-żewġ naħat tal-Kamra ħlief għal Deputat wieħed, Edwin Vassallo.

F’kumment lill-media, il-Kap tal-Partit Simon Busuttil irringrazzja lid-deputati tal-Partit Nazzjonalista għall-vot tagħhom u għal-lealtà tagħhom lejn il-linja tal-partit. “Nifhem li kien hemm numru ta’ deputati li kellhom oġġezzjoni għal partijiet ta’ din il-liġi iżda li xorta vvutaw favur b’lealtà lejn il-pożizzjoni tal-partit u l-għaqda fil-partit”, qal Simon Busuttil “u ta’ dan nixtieq pubblikament nesprimi kemm apprezzament kif ukoll ringrazzjament.”

Il-liġi li tagħti ugwaljanza fiż-żwieġ kienet wegħda elettorali kemm tal-Partit Laburista kif ukoll tal-Partit Nazzjonalista. Il-Partit Nazzjonalista ilu għal dawn l-aħħar snin jaġġorna il-politika tiegħu biex jirrifletti aħjar ir-realtajiet li jeżistu fis-soċjetà Maltija llum, inkluż id-drittijiet li jixirqilha il-komunità LGBTIQ. Fil-fatt, fl-aħħar snin, il-Partit Nazzjonalista ivvota favur liġijiet bħal-liġi dwar l-Identità tal-Ġeneru. Għalkemm il-liġi tal-lum daħħlet il-possibilità ta’ żwieġ bejn persuni tal-istess sess formalment, fil-prattika dan id-dritt ilu jeżisti għal dawn l-aħħar tliet snin minn kemm ilha fis-seħħ il-liġi dwar l-Unjoni Ċivili li għaddiet fl-2014 u li tagħti diġà l-istess drittijiet u obbligi daqs żwieġ.